L-Aġenzija Identity Malta qed tniedi konsultazzjoni pubblika dwar it-tiġdid tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investment, li l-Gvern ingħata l-mandat elettorali biex iġedded. Bħala parti mill-proċess ta’ dan it-tiġdid, qed issir din il-konsultazzjoni pubblika li l-għan tagħha huwa li tkompli ttejjeb u ssaħħaħ il-Programm.
Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun qed tħares lejn il-kriterji obbligatorji għaċ-ċittadini prospettivi taħt il-Programm ta’ Investitur Individwali; jekk in-numru ta’ applikazzjonijiet aċċettati għandux jerġa’ jkun iffissat jew għandux jitħalla fid-diskrezzjoni tal-Gvern; dispożizzjonijiet fil-liġi; u jekk għandhomx jiġu offruti xi servizzi oħra lill-individwi li jiġu jinvestu f’Malta. Kull kumment u rakkomnadazzjoni dwar kif il-programm jista’ jitjieb u jgħolli l-istandard fl-industrija jiġu kkunsidrati wkoll.
Aktar dettalji dwar il-konsultazzjoni pubblika tista’ tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku www.konsultazzjoni.gov.mt.