Tnediet konsultazzjoni pubblika biex kull min hu nvolut fis-settur tal-agrikoltura jsemma’ leħnu dwar in-nefqa ta’ fondi Ewropej marbutin mal-isess settur.
Dan il-fond huwa ta’ mija u sebgħa u sittin miljun ewro, u se jkun allokat għas-snin elfejn u tlieta u għoxrin sal-elfejn u sebgħa u għoxrin.
Din il-konsultazzjoni pubblika għandha l-għan li żżewweġ il-miri tal-Unjoni Ewropea mal-bżonnijiet tal-bdiewa Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif il-Gvern għandu pjan strateġiku għal dawn il-fondi, li jiffoka fuq tliet għanijiet prinċipali.
Dawn huma t-trawwim tas-settur agrikolu intelliġenti, il-protezzjoni tal-ambjent, u t-tisħiħ tan-nisġa soċjoekonomika ta’ żoni rurali.
Huwa qal kif dawn il-fondi se jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi li jaffaċċja s-settur.
Qal, “Waħda mill-isfidi li hemm fil-qasam tal-biedja hi li għad hemm użu ta’ sistemi tradizzjonali u allura dawn irridu nkomplu nġedduhom. Bl-għajnuna t’inizjattivi bħal dawn u t’investiment li jagħtu għajnuniet u opportunitajiet ġodda, wieħed jista’ jkun aktar kompetittiv, kif ukoll wieħed jista’ jsaħħaħ il-produzzjoni agrikola permezz ta’ dawn l-għajnuniet.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo appella lil kull min jaħdem f’dan is-settur biex isemma’ leħnu.
Spjega, “Naħseb b’dan il-mod, il-bidwi meta tneħħilu ċerti burokrazija u tagħmillu mezzi iktar simplifikati, wieħed ikun jista’ jikkompeti ma’ sħabu fl-Unjoni Ewropea.”