“Konsultazzjoni maż-żgħażagħ irriżultat f’rakkomandazzjonijiet importanti rigward il-Labour Migration Policy, li se jkunu qed jiġu inklużi fid-dokument finali għall-konsultazzjoni pubblika.” Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif f’Kastilja ltaqa’ mal-eżekuttiv elett tal-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU.
Waqt li rrimarka l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika ta’ pajjiżna, Dr Abela rrefera għal rakkomandazzjonijiet li ħarġu riċentament mill-Youth Advisory Forum, li jitlaqqa’ mill-inqas darba f’xahar biex jiddiskuti temi importanti lokali.
Bl-istess mod mal-KSU, il-Prim Ministru sostna l-importanza ta’ laqgħat simili u kif jixtieq li dawn jibqgħu jinżammu b’mod regolari anke mal-KSU.
Spjega li l-Labour Migration Policy se tkun qed tindirizza s-settur tax-xogħol u tkompli tieħu deċiżjonijiet importanti flimkien ma’ dawk li diġà ttieħdu favur id-dinjità tal-ħaddiema u l-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’setturi fejn meħtieġ biss.
Il-Prim Ministru tenna kif dejjem jieħu gost dejjem nisma’ mingħand iż-żgħażagħ u kif laqgħat simili jagħtihom valur kbir, daqslikieku kienu laqgħat tal-Kabinett.
Mal-KSU, Dr Abela aċċenna dwar il-‘Viżjoni Malta 2050’ u kif din tinkorpora fiha anke l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ, bħas-settur edukattiv u dak ambjentali. Qal kif f’din il-viżjoni hemm miri strateġiċi simili, b’għanijiet li għandhom jintlaħqu sa għaxar snin oħra biss u ż-żgħażagħ jridu jkunu l-katalisti li jħaddmuha u jagħmluha realtà.
Il-Prim Ministru kompla jispjega kif il-Gvern se jkompli jagħti importanza lil temi oħrajn importanti bħas-saħħa mentali, inkluż bl-aħħar baġit, waqt li temm li, fuq kollox, kull tema li tiġi diskussa u kull punt li jitqajjem jrid isir kontra l-istatus quo.
“Intom l-aktar li tistgħu tiġġieldu dan. Se nibqgħu ninvestu fiż-żgħażagħ, fl-edukazzjoni tal-istudenti, għax il-futur ta’ pajjiżna jiddependi minnkom. Nemmnu fikom u konvinti li pajjiżna għandu futur sabiħ”, qal il-Prim Ministru.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti u l-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.