Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar strateġija diġitali għas-settur ġudizzjarju f’pajjiżna.
Dan fi tmiem proċess ta’ sena li ra esperti barranin jfasslu din l-istrateġija.
Fost il-prinċipji fundamentali li fuqhom hija msejsa din l-istrateġija hemm is-saltna tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal smigħ xieraq, l-eliminazzjoni ta’ diskriminazzjon, u d-dritt ta’ rimedju quddiem il-Qrati.
Uffiċjal fid-dipartiment tal-Ġustizzja spjegat kif din l-istrateġija għandha l-għan li żżid il-kapaċitajiet analitiċi fis-settur ġudizzjarju filwaqt li tkabbar il-kompetenzi diġitali tal-uffiċjali kollha tal-Qrati u tal-membri tal-ġudikatura.
Dan filwaqt li l-maġġoranza tal-proċessi jibdew isiru permezz tal-użu tat-teknoloġija diġitali u din issir in-normalità.
Joanne Battistino, Uffiċjal fid-Dipartiment tal-Ġustizzja spjegatilna: “It-tieni fażi hija l-aċċess għall-kulħadd. Id-diġitizzazzjoni hija għodda importanti biex vera twassal il-ġustizzja għal kulħadd u allura rridu noqogħdu attenti li kulħadd ikun jaf jużahom l-għodda li ħa nkunu qed npoġġu hemm barra għall-pubbliku.”
Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega kif dan kien il-pass li jmiss wara li sar ix-xogħol sabiex fost l-oħrajn l-awli kollha jkunu attrezzati b’mod teknoloġiku.
Stqarr kif id-dokument li qed jitpoġġa għall-konsultazzjoni huwa għal kollox imfassal minn esperti Ewropej wara konsultazzjoni mal-partijiet involuti.
Spjega kif il-Gvern ma mess id-dokument, bl-ebda mod.
Il-Ministru għall-Ġustizzja spjega kif dan id-dokument jidħol f’kuntest iżjed wiesa’ fejn fil-Pjan ta’ Ekupru tal-Kummissjoni Ewropea hemm fondi għad-diġitalizazzjoni tas-settur ġudizzjarju.
Stqarr kif dan il-Pjan ta’ Rkupru ser ikun qed jiffininanzja l-implimentazzjoni ta’ dak li joħroġ mill-eżerċizzju tal-konsultazzjoni pubblika: “B’dan ser nagħmlu ġustizzja iżjed aċċessibbli, iktar effettiva u iktar effiċjenti għaċ-ċittadin. Iċ-ċittadin ser ikun il-benefiċjarju ta’ dan kollu mingħajr mhu ser inkunu ħriġna penny flus għaliex kollox ser ikun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.”
F’messaġġ virtwali s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Pjan ta’ Rkupru qed ikun imfassal pjan għal iktar investiment f’dan is-settur tant importanti fil-ħidma tal-Gvern sabiex isaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Mill-pjan ta’ rkupru ser ikunu investiti għaxar miljun ewro għal dan il-għan.
Il-konsultazzjoni dwar din l-istrateġija hija twila tliet ġimgħat.