L-Awtorità għall-Ambjent u l-Ministeru għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima nedew dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-konservazzjoni ta’ żoni marittimi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Michelle Piccinino saħqet kif iż-żoni identifikati bħala protetti jridu jkunu ssalvagwardjati b’mod aktar tanġibbli.
F’pajjiżna hawn ’il fuq minn erbat elef u mitt kilometru kwadru ta’ żoni marittimi protetti. Dan jammonta għal ħamsa u tletin fil-mija taż-Żona tas-Sajd f’Malta.
Għalhekk, id-dokument qed joffri linji gwida tal-objettivi li jridu jintlaħqu għall-konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni, li joffru protezzjoni lill-abitat kollu li jinsab kemm taħt kif ukoll fuq wiċċ il-baħar, fosthom dniefel, fkieren u għasafar tal-baħar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Michelle Piccinino stqarret: “Ħafna drabi anki s-sajjieda eżempju jilmentaw li m’għadekx issib ċertu tip ta’ ħut. Dak huwa sinjal li allura dak il-baħar ikun qed jiddegrata ruħu allura hawnhekk għandna sett ta’ miżuri ta’ kif niżguraw li l-baħar tagħna jibqa’ b’saħħtu għat-tgawdija ta’ kulħadd.”
Il-Ministru għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Aaron Farrugia semma kif wara li ġew identifikati dawn is-siti, irid jinstab bilanċ bejn l-ekonomija l-blu u l-konservazzjoni tal-ambjent marittimu.
Huwa qal, “Qegħdin ngħidu li hawnhekk irridu nsibu l-bilanċ bejn l-ekonomija l-blu li tagħtina ħafna, fil-fatt tagħtina ħmistax fil-mija tal-ekonomija bħala nazzjon. Imma mbagħad għandna diversi speċi li jfisser obbligazzjoni u dmirijiet. Għandek il-Posedonia għandek imbagħad dniefel, għandek fkieren, għasafar tal-baħar irridu nsibu l-bilanċ bejn it-tnejn li huma.”
Din il-konsultazzjoni qed issir biex il-familji Maltin u Għawdxin jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-ambjent marittimu.
Wieħed jista’ jgħid tiegħu sal-ħamsa ta’ Settembru.