Illum, fil-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar saret konsultazzjoni dwar l-obbligu li f’kull biċċa xogħol li jagħmel kull kuntrattur liċenzjat, irid jiżgura li hemm insurance li tkopri l-proġett li jkun qed jaħdem fuqu.
Dan l-obbligu l-ġdid, daħal fis-seħħ permezz tal-avviż legali tal-liċenzjar tal-kuntratturi.
F’post fuq il-midja soċjali, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi qal li f’din il-laqgħa ġie diskuss kif dan l-obbligu għandu jiġi introdott.
Il-Ministru żied jgħid li waqt din il-laqgħa ġie wkoll imfassal pjan ta’ kif se jiġu esplorati possibilitajiet oħra biex kuntratturi liċenzjati jiżguraw u jkollhom aċċess għal kopertura ta’ insurance fit-twettiq tax-xogħol tagħhom.
Il-Ministru temm jgħid li l-Gvern se jkompli jaħdem għal bidla lejn aktar responsabbiltà, serjetà u kwalità għola fis-settur tal-kostruzzjoni.
Fil-laqgħa kien hemm preżenti mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-Għaqda Bennejja u Kuntratturi, il-Malta Insurance Association u l-Insurance Broker Association.