Waqt il-Programm Sibt il-Punt kien ttrattat id-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika li ħareġ dan l-aħħar, dwar l-ewtanasja volontarja assistita, fejn ipparteċipaw il-Perit Daniel Micallef u t-Tabib Jan Chircop li kienu parti minn kumitat li fassal dan id-dokument.
Il-Perit Daniel Micallef qal li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista hemm iswed fuq l-abjad li f’pajjiżna għandha tibda diskussjoni dwar dan is-suġġett. Huwa semma li pajjiżi oħrajn kemm Ewropej u kemm li mhumiex ukoll introduċew dan is-suġġett.
Qal, “Għal darba għandek partit politiku li kellu l-kuraġġ li din l-issue jitfagħha għad-diskussjoni f’manifest elettorali , dik hi d-differenza. Il-Gvern tal-ġurnata bil-mandat li ingħata qiegħed jirrispetta l-mandat li tah il-poplu u jressaq din id-diskussjoni għal konsum tagħna kollha kemm aħna.”
Dwar dan is-suġġett delikat, Micallef qal li f’dak propost fid-dokument iddaħħlu salvagwardji ħalli ma jkunx hemm lok għall-abbużi. Huwa semma li l-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita hija opportunità li b’mod matur ikollna diskussjoni fuq is-suġġett.
Qal, “Li hu propost hu, li jekk allaħares qatt, barra minn fuqek jew xi ħadd qribek, ikollok marda terminali li se teħodlok ħajtek fi żmien sitt xhur , jiġifieri inti f’dawn is-sitt xhur se tiddeġenera u tispiċċa tgħaddi minn tbatija tal-waħx, li int dik it-tbatija tal-waħx ikollok l-għażla li tevita.”
It-Tabib Jan Chircop qal li dan id-dokument ta’ konsultazzjoni jiffoka fuq il-ħajjiet u d-dinjità tan-nies u kif wieħed għandu jmantni bl-aħjar mod l-aħħar mumenti tal-ħajja. Fost oħrajn, semma il-limitazzjonijiet tal-mediċina f’ċertu każijiet, u kif meta jkun hekk, dawn il-persuni jkunu qed jgħaddu minn ċertu tbatija u sofferenza.
Qal, “Ħdimna biex fejn il-mediċina ma tasalx, meta wieħed ikun qed ibati b’mard terminali. Irridu nkunu ċari hawnhekk qed niddiskutu, li tiġi proposta din il-liġi f’rigward ta’ mard terminali biss , jiġifieri mhux mard li hu kroniku. Stipulajna timeframe ukoll ta’ sitt xhur. Daħħalna ħafna salvagwardji ħalli ma jkunx hemm abbuż”
Il-perit Daniel Micallef semma dwar l-importanza li kulħadd jagħti sehmu fid-diskussjoni waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita.
Qal, “Għalhekk għandna l-konsultazzjoni, għalhekk qed isir dan il-proċess biex kulħadd iressaq il-vuċi tiegħu fuq dak li qed jiġi propost. Taqbel ma taqbilx, tħossu ftit wisq, tħossu ħafna. Aħna nħossu li hi proposta bilanċjata , kif qegħda artikolata, toffri is-salvagwardji u l-libertà għal kulħadd, kemm għal pazjent , kif ukoll għal professjonisti, li huma parti essenzjali minn din id-diskussjoni.”