Tnieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-edukazzjoni bikrija, li tiffoka fuq tfal sa mit-twelid sal-età ta’ seba’ snin.
F’ċentru għall-ħarsien tat-tfal fil-gżira Għawdxija, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat li l-Ministeru qed jaspira li jintroduċi aktar servizzi li jilħqu l-bżonnijiet tat-tfal u tal-familji fis-soċjetà tal-lum.
Dr Jacqueline Vanhear, Direttur fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, spjegat li dak li jiġri fis-snin bikrin, iħalli impatt fuq il-ħajja tal-bniedem, is-soċjetà, l-ambjent u anki l-ekonomija.
Hija qalet, “Għall-ewwel darba, se jkollna qafas li se jkopri b’mod sħiħ minn żero sa seba’ snin li ovvjament fuqu mbagħad se tkompli tibni l-edukazzjoni primarja u sekondarja.”
Fil-qofol tad-dokument hemm il-ħsibijiet taċ-ċkejknin infushom.
Dr Vanhear sostniet: “Morna fiċ-childcare centres, morna fl-iskejjel biex nisimgħu lit-tfal kemm minn età żgħira, fil-kindergarten, fil-Year 1 u Year 2, biex nisimgħu huma x’għandhom x’jgħidulna fuq il-miri li hemm proposti f’dan id-dokument.”
Il-proposti fid-dokument huma msejsa fuq il-qafas ta’ kwalità kif propost mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li huwa importanti li kulħadd isemma’ leħnu.
Il-Ministru Caruana saħqet: “Qed nimmiraw lejn servizzi iktar kwalitattivi li nilħqu l-bżonnijiet tat-tfal tagħna, tal-familji tagħna, tas-soċjetà tagħna u għalhekk importanti li f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jkun hemm l-input kemm jista’ jkun ta’ kulħadd.”
Id-dokument jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.