L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, fetħet konsultazzjoni pubblika fuq l-introduzzjoni ta’ separazzjoni tal-iskart obbligatorja għal kulħadd, inklużi entitajiet governattivi, djar, postijiet kummerċjali, u organizzazzjonijiet.
Sa llum il-ġurnata, m’hemmx obbligu għas-separazzjoni tal-iskart, tant li qed ikun hemm ammont konsiderevoli ta’ skart li jista’ jiġi riċiklat, imma li għadu qed jintefa fil-borża s-sewda u b’hekk jintilef.
Biex pajjiżna jkun konformi mal-obbligi tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward, il-pjan hu li jiżdiedu l-isforzi ta’ kulħadd, biex b’hekk ikun hemm titjib fil-kwantità u l-kwalità ta’ materjal riċiklat filwaqt li jitnaqqas il-volum ta’ skart li jintbagħat fil-miżbliet.
Ir-regolamenti proposti għas-separazzjoni tal-iskart mandatorju se jkunu pass kbir il-quddiem għal pajjiżna, f’termini ambjentali. Sal-2035 dan se jwassal għal żieda fir-riċiklaġġ u tnaqqis drastiku tal-iskart mħallat li jintrema fil-miżbliet.
Is-separazzjoni tal-iskart mandatorja se twassal ukoll għat-titjib fl-indafa ta’ nħawi residenzjali u anki kummerċjali, permezz ta’ kampanja edukattiva u qafas legali li se jiskoraġġixxu r-rimi ta’ boroż ta’ skart illegali f’postijiet pubbliċi.
One News tkellem ma’ Claire Cordina Borg, li hija Deputat Direttur fi ħdan l-ERA, dwar għaliex huwa mportanti li l-iskart ikompli jiġi sseparat kif suppost.
“Importanti illi dik ir-riżorsa tiġi sseparata tajjeb fil-borża l-griża jew il-borża l-bajda, biex aħna nkunu nistgħu nerġgħu nirriċiklawhom u nagħmluha prodotti ġodda”
Is-separazzjoni volontarja tal-iskart fid-djar tagħna saret aktar popolari f’dawn l-aħħar snin. Is-sena l-oħra, Malta rreġistrat rekord fl-ammont ta’ skart separat illi nġabar.
Madanakollu, il-kunsilli lokali, l-NGOs, u partijiet interessati oħra appellaw għal regolamenti mandatorji għas-separazzjoni tal-iskart, sabiex jiżdiedu r-rati ta’ riċiklaġġ u jiġu kkonsolidati l-ġestjoni u infurzar tal-ġbir tal-iskart.
Qed jiġu proposti żewġ emendi għal avviżi legali li għandhom l-għan li jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali s-separazzjoni tal-iskart mandatorja fis-sors.
Dawn ir-regolamenti se jiġu introdotti b’mod gradwali flimkien ma’ kampanja edukattiva nazzjonali sabiex jiġi żgurat illi l-pubbliku jkun infurmat b’mod adegwat qabel dawn il-liġijiet jidħlu fis-seħħ.
‘Fil-futur, billi toħroġ liġi m’intix se tbiddel id-dinja. L-ERA, flimkien ma’ entitajiet oħra, se jkunu qed iniedu kampanja pubblika ta’ informazzjoni, bejn wieħed u ieħor ta’ sitt xhur, illi se jkunu qegħdin jgħinu lil kull min tolqot din il-liġi biex iġib ruħu in line ma’ dawn l-obbligi. Imbagħad ma jonqosx illi, kulħadd suppost fehem x’suppost se jkun qed qiegħed jagħmel, jibda l-infurzar ta’ min xorta jibqa’ jirreżisti li jikkontribwixxi bil-mod li għandu jagħmel ħalli nnaqqsu l-ammont ta’ skart li qed jidħol fil-miżbla.’
L-abbozzi ta’ dawn ir-regolamenti ġodda jistgħu jitniżżlu minn fuq era.org.mt. Il-pubbliku huwa msejjaħ sabiex jibgħat l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġett sal-5 ta’ Diċembru, permezz ta’ email fuq era.policy@era.org.mt
era.org.mt
era.policy@era.org.mt