Għadu kif ġie mniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjazza tax-Xewkija mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fejn ġew ippreżentati d-disinni preliminari tal-proġett għall-kummenti u s-suġġerimenti tal-pubbliku.
“Dawn ix-xogħlijiet ilhom mistennija li jsiru u issa wasal iż-żmien li dan il-proġett jitwettaq, mhux biss biex ix-Xewkija u Għawdex ikollhom pjazza li tixraq, imma wkoll għaliex f’din il-pjazza hemm sfidi diversi u perikli oħra relatati mal-influss enormi ta’ traffiku li jirrikjedi mmaniġġjar tajjeb,” qalet il-Ministru Caruana.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti l-membri tal-Kunsill Lokali, l-istakeholders u l-kumitati tar-raħal, fejn flimkien mar-residenti, ġew diskussi l-proposta, il-kunċett, id-disinn u l-isfidi li jinvolvi dan il-misraħ. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa mistenni li jiġi konkluż fl-aħħar ta’ Frar biex malli jitlesta, il-Ministeru għal Għawdex ikun jista’ jissottometti l-applikazzjonijiet tal-awtoritajiet ikkonċernati. Il-Ministru Justyne Caruana fakkret li matul dan ix-xahar se jibda wkoll il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjazza ta’ San Franġisk, li tinsab fir-Rabat, Għawdex.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex matul din is-sena, se jkun qed jaħdem fuq diversi proġetti fix-Xewkija, fosthom fi Triq il-Knisja u Triq il-Ħamrija. Dawn iż-żewg toroq huma fost il-lista twila ta’ xogħlijiet infrastrutturali li se jsiru madwar Għawdex bħala parti minn ‘Proġett Għawdex’.