Beda l-proċess biex f’Għawdex isir l-akbar proġett ta’ spazju miftuħ li qatt sar f’din il-gżira.
Dan hekk kif l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex nediet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta li fiċ-ċentru tal-Belt Victoria jitwettaq proġett ta’ riġenerazzjoni urbana mifrux fuq medda ta’ 22,000 metru kwadru.
Dan il-proġett huwa inkluż fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u kien tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, bħala parti mill-investiment ta’ 700 mitt miljun ewro f’seba’ snin sabiex jiżdiedu l-ispazji ħodor u miftuħa madwar il-pajjiż.
Kif spjega l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, ċentrali għal din il-viżjoni hu l-fatt li ż-żona li llum hi okkupata minn parkeġġ tiġi trasformata fi spazju miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jinħoloq ukoll parkeġġ taħt l-art li jkun jilqa’ fih madwar 800 vettura.
Il-Ministru Clint Camilleri qal “Se nkunu qed nintroduċu numru ta’ toroq jew spazji li jinbidlu għal spazji pedonali fejn hemmhekk irridu nindirizzaw li jkollna anqas karozzi jiġru fir-Rabat, inqas traffiku, anqas dħaħen u aktar spazji miftuħa għall-pubbliku u għat-tfal tagħna.”
Il-Ministru għal Għawdex stqarr li din il-proposta li qed tressaq l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex tibni fuq il-viżjoni tal-Gvern li jiġġenera spazji miftuħa fiċ-ċentru tal-bliet u rħula tagħna.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, Mario Borg, qal li l-proċess ta’ konsultazzjoni se jistieden lil dawk kollha interessati biex jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex dan il-proġett jindirizza l-isfidi preżenti u dawk futuri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GRDA Mario Borg qal “Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se jibqa’ miftuħ sal-1 ta’ Settembru, li fosthom se jsiru numru ta’ laqgħat mal-pubbliku inġenerali flimkien ma’ stakeholders partikolari, fosthom il-Kunsill Lokali u l-komunità tan-negozju fil-Belt Victoria.”
Borg stieden lil kull min hu interessat biex jikkontribwixxi waqt dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, fejn il-proposti u d-dokumenti neċessarji huma disponibbli għall-pubbliku minn fuq is-sit elettroniku tal-istess Awtorità.