Tnieda għal konsultazzjoni pubblika, dokument dwar il-politika lingwistika għas-snin tal-primarja.
Dan bil-għan li tippromwovi l-bilingwiżmu, primarjament tal-Malti u l-Ingliż, fost studenti li jkollhom bejn tmien snin u ħdax-il sena.
Il-prinċipju bażiku li fuqu tfasslu dawn il-linji gwida huwa li t-tfal għandhom dritt jiżviluppaw b’mod sħiħ il-kompetenzi bilingwi skont l-età tagħhom.
F’dan id-dokument, wieħed isib dettalji dwar il-benefiċċji tal-bilingwiżmu flimkien ma’ linji gwida għat-tfal, l-għalliema u anki l-ġenituri, li wkoll huma protagonisti f’dan l-iżvilupp.
Fost l-oħrajn, id-dokument jipproponi li l-ġenituri u l-kustodji tat-tfal għandhom jużaw kemm il-Malti u l-Ingliż fid-dar, fl-istess ħin li jinvolvu ruħhom fi djalogi bis-sens ma’ uliedhom u joħolqu ambjent fid-dar li jħeġġeġ il-litteriżmu taż-żewġ lingwi.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li dawk kollha involuti fl-edukazzjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li t-tfal kollha jirnexxielhom jiksbu dawn il-ħiliet.
Il-Ministru Caruana stqarret, “Il-Malti hija lingwa diffiċli u allura kemm jista’ jkun irridu nużaw kull mezz possibbli biex nitgħallmuh u nitgħallmuh sewwa però ovvjament imbagħad hemm ħtiġijiet oħrajn li jkun hemm lingwi oħrajn li wieħed jitgħallem speċjalment l-Ingliż u lingwi oħrajn li llum it-tfal tagħna huma esposti għalihom jiġifieri mhux qed nitkellmu biss fuq it-Taljan imma wkoll il-Franċiż, iċ-Ċiniż u diversi lingwi oħra li huwa tajjeb għax meta t-tfal ikunu qed jitgħallmu lingwa oħra, ikunu wkoll qed jistimulaw il-proċess kreattiv tagħhom u l-proċess biex ikunu jistgħu jiżviluppaw ħiliet għal matul ħajjithom kollha.”
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ iwassal ħsibijietu fuq dan id-dokument billi jibgħat e-mail fuq lara.ann.vella@ilearn.edu.mt sat-tletin ta’ Ġunju.
Id-dokument jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Edukazzjoni; https://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MEDE/Pages/Consultations/ALanguagePolicyfortheJuniorYearsinMaltaandGozoi.aspx