Il-Ministeru għall-Familja ppreżenta emendi fil-liġi dwar addozzjonijiet lokali għall-konsultazzjoni pubblika. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġie enfasizzat il-bżonn li l-proċess ta’ adozzjoni jkun wieħed aktar miftuħ u komdu għal min irid jadotta.
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università, il-Professur Andrew Azzopardi qal li hu stmat li f’Malta hawn madwar 500 tifel u tifla taħt taħt is-sistema ta’ kura alternattiva. Huwa għalhekk li meta niġu għall-proċess tal-adozzjoni, jrid ikun hemm ċertezza li dan huwa wieħed sigur u li jħares l-aspetti kollha ta’ saħħa tul it-tranżizzjoni.
B’hekk, f’din il-konsultazzjoni se tkun proposta r-regolazzjoni tal-addozzjoni miftuħa. Dan hekk kif il-liġi kurrenti tipprovdi biss il-possibiltà li jkun hemm addozzjoni miftuħa iżda ma tirregolax l-istess f’aktar dettall.
Qed ikun propost fost oħrajn li tiġi studjata l-kwistjoni tal-kunjom tal-minuri wara li jiġu addottati, id-definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet tal-entitajiet kollha konċernati u servizzi speċjalizzati li jappoġġjaw lill-minuri u lill-ġenituri naturali biex jgħaddu min din it-transizzjoni, kif spjegat il-konsulent legali Daniela Azzopardi Bonanno.
Hija qaltilna: “Servizzi wkoll għall-ġenituri naturali biex ngħinuhom jaffaċċjaw din ir-realtà. Ħa niffukaw ukoll fuq l-irwol tal-professjonisti. X’inhu mitlub minn kull professjonijist biex ovvjament kulħadd ikollu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu elenkati fil-liġi.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li din il-konsultazzjoni ssir b’mod prinċipali mat-tfal li jinsabu fis-sistema ta’ kura alternattiva.
Huwa sostna: “Inkludejna għalkemm kien isir hekk ukoll qabel kull deċiżjoni, kull pass li jsir taħt din il-liġi jrid ikun l-ewwel u qabel kollox fl-interess tal-minuri. Daħħalna wkoll kunċett ta’ konsultazzjoni li fil-każi kollha l-minuri għandu dejjem jinstema’.”