Ir-ri-introduzzjoni tal-Qorti Kummerċjali hi pass ’il quddiem favur qrati aktar speċjalizzati u proċessi aktar spediti.
Wara li din il-Qorti kienet twaqqfet fis-snin disgħin, il-Prim Ministru Robert Abela, ftit tal-ġimgħat ilu, ħabbar li din se terġa’ tiddaħħal.
Tkellimna mal-Konsulent Legali u Avukat fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Ivan Meli, li spjega x’se tkun qed tfisser din l-introduzzjoni, li mhux biss se ġġib aktar speċjalizzazzjoni, iżda wkoll aktar speditezza f’materji ekonomiċi u legali.
“Il-Qorti Kummerċjali attwalment għaddejja minn riforma li ħa naraw dalwaqt fis-seħħ wara li tgħaddi mill-proċess Parlamentari. Li ħa nagħmlu hu dan: il-Qorti Kummerċjali se tkun qiegħda tissepara l-kawżi ċivili minn dawk kummerċjali. Dan se jwassal għal speditezza u speċjalizzazzjoni.”
DR IVAN MELI
L-Avukat Meli, żied jgħid li bħala Ministeru għall-Ġustizzja, qed isir sforz biex il-qrati ma jibqgħux daqstant ġeneriċi, iżda jkun hemm iżjed speċjalizzazzjoni f’kull Qorti.
Hu semma wkoll ir-riforma tal-Qorti tal-Familja, li hi maħsuba biex tagħti l-importanza meħtieġa lil-laqta soċjali, f’soċjetà li kull ma jmur qegħda iżjed tevolvi.
“Ir-riforma fil-Qorti tal-Familja u dik tal-vittmi tad-droga huma żewġ riformi li l-Gvern qed juri r-ruħ soċjali tiegħu. Nemmen li, b’riforma bħal dik tal-Qorti tal-Familja, li attwalment għaddejja wkoll minn konsultazzjoni pubblika, se ġġib aktar serħan il-moħħ fejn jidħlu konflitti fil-familja. Dan għax, permezz tagħhom, naraw li ma nibqgħux inħarsu lejn Qorti konflinġenti, imma aktar emozzjonali.”
DR IVAN MELI
Aċċenna dan mal-fatt, li fil-Qorti Kummerċjali, se jiżdiedu wkoll il-panels tal-ġudikatura – minn wieħed għal tnejn – li jfisser ukoll li se jkollhom ir-responsabilità li l-ispeditezza tasal aktar malajr min-naħa tagħhom.
Dwar dan, ħadna wkoll ir-reazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, li ħares lejn din id-deċiżjoni mill-lat infrastrutturali.
“Eventwalment, apparti t-tibdil legali li jistabbilixxi l-Qorti, se jkun hemm l-aspett infrastrutturali, fejn inħarsu li nistabbilixxu binja tal-Qorti separata mill-Qorti prinċipali, li hemm binja diġà, ħa tibda l-ħidma kollha, biex is-servizzi li jingħataw dawk kollha li jkollhom disputi li jistgħu jingħataw servizz ferm aħjar.”
JONATHAN ATTARD
Il-Ministru Attard temm jistqarr li din id-deċiżjoni, mill-aspett ekonomiku, se tawgura li dawk li se jinvestu f’pajjiżna se jsibu qafas legali iżjed b’saħħtu li jipprovdi serħan tal-moħħ għal rimedju effettiv meta jkun meħtieġ.