Il-konsulent internazzjonali tal-politika dwar id-droga, Steve Rolles, faħħar il-liġi Maltija dwar l-użu responsabbli tal-kannabis u t-tfassil tagħha, waqt li ddeskriviha bħala waħda eżemplari.
Waqt li indirizza seminar fil-Brażil ftit tal-ġimgħat ilu, hu spjega li l-mudell ta’ Malta hu eżempju pożittiv ta’ riforma fil-politika dwar id-droga msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tat-tnaqqis tal-ħsara, b’kuntrast ma’ dawk f’pajjiżi oħrajn li introduċew legalizzazzjoni relatata.
Rolles, li fl-aħħar jiem ilu attenda konferenza tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannibis (ARUC) dwar id-dikriminalizzazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, semma l-fatt li f’Malta bdew jitwaqqfu l-assoċjazzjonijiet li fihom tista’ tkun membru u tikseb b’mod legali s-sustanza tal-kannabis.
Hu spjega li l-fatt li l-liġi Maltija tesiġi li dawn l-assoċjazzjonijiet iridu jaħdmu bi skop li ma jagħmlux qligħ u mingħajr ma jirreklamaw lilhom infushom, hu suċċess minnu nnifsu għal-liġi Maltija.
Spjega li l-enfasi fuq it-tnaqqis tal-ħsara, inklużi kunsiderazzjonijiet għall-ġustizzja soċjali u l-konsegwenzi negattivi fil-gwerra kontra d-droga, jibqgħu essenzjali biex jiġi żgurat li r-riforma tal-kannabis tippromwovi l-benessere tas-soċjetà u tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Rolles iddikjara li r-regolamentazzjoni tal-kannabis għandha tipprijoritizza s-saħħa pubblika u d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tipproteġi lin-nies li jużaw il-kannabis minn theddid ġdid miġbur minn industriji mmexxijin mill-profitt u gruppi ta’ pressjoni.
Waqt din il-laqgħa tkellem ukoll Martin Jelsma, direttur tal-programm tal-Istitut Speċjalizzat dwar il-Kannabis fl-Olanda, li tkellem dwar ir-relazzjoni bejn ir-riforma tal-politika tad-droga fil-pajjiżi konsumaturi, bħal dawk fl-UE, u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku fil-pajjiżi produtturi, bħall-Marokk.
Spjega li hekk kif aktar pajjiżi jirregolaw il-kultivazzjoni u d-distribuzzjoni tal-kannabis, pajjiżi produtturi u komunitajiet rurali relattivament fqar se jesperjenzaw tnaqqis fid-dħul.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija, Leonid McKay, spjega li Malta tgħallmet minn pajjiiżi oħrajn u mhux se tittollera reklamar u promozzjoni ta’ kannabis, u se tagħti anke taħriġ lill-persuni ewlenin fl-assoċjazzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-ħsara.