Il-golfer Pollakk Konstanty Luczak u l-plejer femminili Marie Kauder huma r-rebbieħa tal-Malta Junior International Golf Tournament li sar f’dawn il-jiem fil-Korsa tal-Golf fil-Marsa.
Luczak għeleb l-isfida tal-golfer li kien qed jirrappreżenta lil Malta Noah Gratil b’seba’ punti hekk kif ġab 199 punt kontra l-206 punti tal-avversarju tiegħu. Fit-tielet post spiċċa Maximilian Franck mill-Ġermanja filwaqt li l-kompatrijott tiegħu Nils Stotz temm fir-raba’ post.
Min-naħa l-oħra, Marie Kauder mill-klabb Ġermaniż ta’ St Leonrot spiċċat fl-ewwel post fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena hekk kif kisbet 214-il punt segwita mill-golfer Maltija Serena Falzon Sant Manduca li kellha 216-il punt. Eva Mooslechner mill-Awstrija u Michelle Wohler mill-Ġermanja segwew fit-tielet u r-raba’ post rispettivament.
Fil-kategoriji l-oħra, Yves Koller mill-Iżvizzera rebaħ il-kategorija maskili ta’ taħt il-21 sena b’Gul Fatma Gus mit-Turkija rebħet il-kategorija femminili tal-istess eta’.
Finalment fil-kategorija ta’ taħt it-16-il sena kienet iddominata mill-Ġermanja hekk kif il-golfers Colin Barmann u Ngoc Mai Nguyen rebħu s-sezzjoni rispettiva tagħhom.
B’kollox ħadu sehem 108 parteċipant fil-kompetizzjonijiet kollha li kienu maqsuma fuq tlett ijiem.
