Il-Ħadd filgħodu kien ippubblikat stħarriġ ieħor, hekk kif iktar gazzetti qed jippubblikaw is-surverys spissi b’metodoloġiji u f’perjodi differenti.
Konsistenti l-ħin kollu f’kull stħarriġ, hija l-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela liema fiduċja mhux biss hija bil-bosta iktar minn dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda qed tibqa’ b’saħħitha jew saħansitra tissaħħaħ iktar. Hekk qal l-istħarriġ tat-Times of Malta li ddikjara li l-Prim Ministru qed jagħmel dawk li sejjaħ ‘inroads’ ma’ dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma vvotawx.
L-istħarriġ tat-Times of Malta jgħid ukoll li jekk issir elezzjoni għada l-Partit Laburista jirbaħ b’ħamsa fil-mija. Ġimgħa qabel, stħarriġ ta’ Dr Vince Marmara ppubblikat fit-TORĊA b’sample ta’ kważi d-doppju ta’ dak li kellha t-Times of Malta qal li kieku kellha ssir elezzjoni jirbaħ il-Partit Laburista b’vantaġġ ta’ tmienja fil-mija. F’dan il-każ ukoll id-differenza bejn il-mexxejja kienet kbira bid-distakk bejn Abela u Grech ikun ta’ iktar minn 18%.