Il-Qorti tal-Maġistrati, f’żewġ kawżi ta’ libell, iddediċiet kontra Daphne Caruana Galizia bħala l-awtriċi ta’ storja miktuba fl-2014, fejn allegat li l-eks Ministru Konrad Mizzi kien qiegħed f’relazzjoni barra ż-żwieġ mal-kordinatriċi tal-komunikazzjoni tiegħu, Lindsey Gambin.
F’xhieda, li kien ta fl-2015, l-eks Ministru Konrad Mizzi kien sostna mal-Qorti li l-istorja, li kienet fabbrikazzjoni falza, ikkawżatlu ħsara personali u professjonali.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Victor Axiaq ikkonkluda li ż-żewġ allegazzjonijiet ċentrali f’din l-istorja – jiġifieri dik ta’ relazzjoni ta’ Mizzi barra ż-żwieġ u li l-mara ta’ Mizzi ngħatat kuntratt finta mill-Malta Enterprise – ma ġewx ipprovati.
Il-Qorti ma qablitx mal-argument tad-difiża li kienet qed issofri żvantaġġ għax Caruana Galizia, meta xehdet f’dan il-każ, irrifjutat li ssemmi minn kienu s-sorsi tagħha, kif kellha d-dritt li tagħmel. Iżda l-Qorti qalet li r-ritratti, li allegatament kienet irċeviet l-istess Caruana Galizia, qatt ma ġew esebiti fil-Qorti.
Il-Qorti rrimarkat li l-allegazzjoni li mart Konrad Mizzi kienet ingħatat kuntratt mal-Malta Enterprise kienet waħda ta’ natura serja u osservat il-fatt li l-blog ta’ Caruana Galizia u l-artiklu inkwistjoni għadhom aċċessibbli sal-lum il-ġurnata biex jarahom kulħadd.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti qalet li ma tistax tinjora l-fatt li l-pubblikazzjoni tal-istorja nnifisha kienet fl-interess pubbliku ladarba kienet tittratta fondi pubbliċi.
Għaldaqstant, wara li kkunsidrat dawn l-elementi, il-Qorti ddeċidiet li tillikwida elf ewro f’danni lil Konrad u Sai Mizzi u l-istess ammont għandu jiġi likwidat favur Lindsey Gambin.