Konrad Mizzi ħabbar li rriżenja minn ministru tat-Turiżmu. Dr Mizzi ħabbar ir-riżenja tiegħu fi tmiem laqgħa tal-kabinett.
Dr Mizzi stqarr li kien qiegħed jirriżenja fid-dawl tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż u fl-interess nazzjonali u tal-Partit Laburista. Qal li għamel dan b’sens ta’ dover politiku, ġaladarba ma jridx li l-pożizzjoni tiegħu fil-gvern tkun ta’ xkiel għat-tmexxija effettiva u serena tal-pajjiż.
Dr Mizzi tenna dak li stqarr ripetutament, u wkoll taħt ġurament, li huwa ma għandu ebda konnessjoni ta’ negozju ma’ Yorgen Fenech, u ebda konnessjoni ma’ 17 Black. Enfasizza li l-kuntratti tal-Electrogas kienu skrutinizzati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Awditur Ġenerali.
Il-Gvern mexxa d-diskussjonijiet dwar dawn il-kuntratti permezz ta’ team ta’ negozjar professjonali, u rrisponda fid-dettall dwar dawn il-kuntratti. Barra minn hekk, huwa kkonferma li ma għandu ebda konnessjoni u xejn x’jirrispondi dwar ir-rivelazzjonijiet riċenti marbuta mal-investigazzjonijiet dwar Yorgen Fenech.
Dr Mizzi esprima sogħba li l-logħba politika fil-pajjiż ġiet inkwinata minn suspetti mmotivati minn politika partiġġjana. Wara r-riżenja tiegħu, huwa ser ikun qed jiffoka fuq ix-xogħol parlamentari, u jkompli jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Partit Laburista.
Huwa rringrazzja lil familtu, l-impjegati tal-Ministeru u dipartimenti tal-gvern li ħadmu miegħu, u dawk li sejjaħ bħala l-eroj bieżla tal-moviment Laburista.