Aktar kmieni llum il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li se jressaq libell kontra t-Times of Malta wara li ppublikaw dik li sejħilha gidba sfaċċata oħra. Il-Ministru qal li mhux minnu li ssottometta ineżattezzi dwar proprjetà fil-kwestjonarju sottomess minn Nexia bħala parti minn eżerċizzju ta’ due diligence. Mizzi qal li se jippreżenta evidenza li tmeri dawn l-allegazzjonijiet fil-Qorti.
Issa l-Ministru preżenta evidenza dokumentata permezz ta’ stqarrija għall-istampa.
Il-Ministru nnota li wara l-ewwel stqarrija tiegħu, it-Times of Malta ppublikaw ittra li ma fihiex il-kaxxa mmarkata fejn hemm ‘estate planning generally’. Iżda din il-karta, innota l-ministru, hija stampata fuq karta ta’ ‘Bentleys Chartered Accountants’, u mhux ‘Nexia BT’.
Inatti, kif indikat hawn fuq, fil-karta sottomessa minn Nexia BT, il-kaxxa ‘estate planning generally’ hija mmarkata. Mizzi qal li din l-aħħar gidba tat-Times of Malta ma tistax titqies biss bħala ġurnaliżmu ta’ kwalità baxxa, imma parti minn attakk kordinat, immirat lejn l-assassinju ta’ karattru.