Bħalma l-akbar festa tal-knisja kattolika nisslet il-fidi fl-Insara, iċ-ċkejkna Faith nislet il-fidi fi Graziella u Charlot, li jemmnu li hija miraklu.
Faith, li għandha l-kundizzjoni down syndrome, kellha titgħammed fl-Għid il-Kbir, erbat ijiem qabel tagħlaq tmien xhur.
Iżda d-destin kellu pjanijiet oħra għal Faith u l-ġenituri tagħhom.
“Meta tmien xhur ilu twieldet Faith ħadna l-aħbar li Faith għandha d-Down Syndrome. Kienet aħbar li ma konnix qed nistennewha allura kienet daqsxejn ta’ xokk mhux ħażin għalina u għall-familja tagħna. Allura qisna iktar konna qed nistennew il-Magħmudija bil-ħerqa biex inkunu nistgħu niċċelebraw il-ħajja tagħha għax tant ġabitilna ferħ fl-aħħar mill-aħħar.”
Bħal kull koppja oħra, it-twelid tat-tarbija fisser ħafna għal Graziella u Charlot, li fissru dak il-mument bħala tiġidid ta’ fidi li ġab ferħ kbir.
“Faith bħala isem dejjem għoġobna lili u lir-raġel imma għalina l-fidi hija xi ħaġa importanti u hija xi ħaġa li dejjem żammitna għaddejin kemm qabel ma ġiet Faith, kemm meta ġiet u meta ġraw l-affarijiet kif ġraw iktar għidna li isimha jagħmel iktar sens.”
Graziella spjegat l-importanza ta’ aktar għarfien dwar kundizzjonijiet bħad-Down Syndrome.
“Forsi li jien kont iktar exposed għall-awareness li jkun hemm rigward id-Down Syndrome kont noħodha inqas ħażin meta sirt li t-tifla għandha l-kundizzjoni.”
Hi temmet tisħaq li tfal b’abbiltajiet differenti m’għandhom xejn anqas minn tfal oħra.
“L-appell tiegħi għall-ġenituri li għandhom it-tfal kemm bid-Down Syndrome jew inkella b’abbiltajiet differenti m’hemm xejn differenti il-verità, huma tfal bħall-oħrajn u aħna rridu nistmawhom t’hekk biex ħaddieħor iħares lejhom b’dan il-mod.”