Li tkun fil-Gvern jirrikjedi sens ta’ tmexxija, biex tixpruna futur aħjar għas-soċjetà. Għal dan il-Gvern, li tagħlaq għajn waħda mhix soluzzjoni, speċjalment jekk tinħoloq inġustizzja.
“Governing is an act of leadership, of moving a society towards a better future. For this government, turning a blind eye is not a solution, even more so if this creates widespread injustice.”
Dan intqal f’artiklu ppubblikat fil-gazzetta MaltaToday, miktub mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, mill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-riformi, Rebecca Buttigieg.
Dan b’referenza għall-emenda fuq l-Abbozz numru tmienja u għoxrin, wara li fl-aħħar xhur, l-Avukat tal-Istat kien ipprovda parir legali hekk kif il-liġi kif inhi, ma tipprovdi l-ebda eċċezzjoni f’ċirkostanzi fejn it-tabib ikollu bżonn jintervjeni biex isalva l-ħajja ta’ mara tqila li tesperjenza kumplikazzjonijiet waqt it-tqala.
Iż-żewġ Ministri u Segretarju Parlamentari qalu li fid-dawl ta’ dan, kienet ir-responsabbiltà tal-Gvern li jaġixxi. Kien għalhekk li f’Novembru li għadda tressqet emenda fil-kodiċi kriminali li ddikjarat li dawn iċ-ċirkostanzi mhux se jibqgħu suġġetti għal passi kriminali.
L-emenda, li għaddiet mit-tieni qari fil-Parlament, issa tinsab fi stadju ta’ Kumitat, wara diskussjoni wiesgħa.
Fearne, Attard u Buttigieg fakkru kif kien hemm min iddikjara li dan l-intervent leġislattiv ma kienx hemm bżonnu, iżda huma ma qablux. Irrimarkaw ukoll li kien hemm min qal li l-emenda għandha tkun implimentata imma titneħħa kull reference lejn it-terminu “is-saħħa tal-mara”. Hawnhekk ukoll ma qablux. Qalu li minkejja kull opinjoni, il-Gvern ried jikkjarifika l-affarijiet biex jipprovdi serħan il-moħħ.
“There were also some who voiced their genuine concern about the possibility of potential abuse and cited the need to make clarifications to provide peace of mind. We were ready to address these issues and make our aims as clear as possible, since our intention has been apparent from the start.”
It-tliet membri fil-Kabinett tal-Gvern spjegaw li issa fi stadju ta’ kumitat, hemm emenda aktar ċara ta’ dan l-abbozz, wara xhur ta’ konsultazzjoni ma’ individwi u għaqdiet mhux governattivi minn kull spettru, fosthom mediku u legali.
Huma ddeskrivew l-aħħar żviluppi fl-emenda, bħala definizzjoni aktar ċara tal-liġi, biex tipprovi serħan il-moħħ u twaqqaf it-tixrid ta’ informazzjoni ħażina, primarjamemt b’irresponsabbiltà min-naħa tal-Oppożizzjoni.
“Aħna tliet persuni differenti, bi sfond professjonali differenti, u b’esperjenzi differenti. Iżda hemm ħaġa waħda li tgħaqqadna – ir-rieda li nġibu ġustizzja”, kitbu Fearne, Attard u Buttigieg.
“We are three very different people writing this. Our professional background is different. Our experiences are different. However, there is one thing that unites us; our will to bring about justice.”
Huma żiedu li dan huwa l-istess prinċipju li jgħaqqad lill-Gvern, u filwaqt li kienu konxji li dak propost kien se jiġġenera reazzjonijiet differenti, fl-istess waqt jafu li se jipprovdi serħan il-moħħ f’ċirkostanzi straordinarji.
“Li ma naġixxux, jew nippretendu li l-problemi jissolvew billi nħarsu n-naħa l-oħra, għalina, qatt mhi se tkun għażla. Aħna qed naġixxu b’mod responsabbli biex insalvaw il-ħajjiet”, temmew jgħidu Chris Fearne, Jonathan Attard u Rebecca Buttigieg, f’dan l-artiklu.
“Not acting or pretending that problems can be solved simply by looking the other way, for us, will never be an option. We are acting responsibly to save lives.”