Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ħabbar kompetizzjoni għal kull min jifforma jew jgħin il-kwalunkwe għaqda volontarja f’ Malta.
Dawk interessati huma mħeġġa joħolqu filmat tagħhom jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom u kif b’dak li tgħallmu qed jagħtu benefiċċju lis-soċjetà. Wara jtellgħu l-filmat fuq il-paġna ta’ Facebook tal-MCVS.
L-iktar filmat li jirnexxielu jikseb l-għola ammonti ta’ likes fuq Facebook se jirbaħ il-kompetizzjoni u jingħata €5,000 sabiex jwettqu proġett fi ħdan il-kommunità, kif ukoll voucher seperat għal-volontier li jtella l-filmat.
Is-suġġett għal din il-kompetizzjoni jista’ jkunu individwi, gruppi, avvenimenti u kull ħaġa relatata mal-volontarjat li jaqgħu taħt kwalunkwe mis-Setturi tal-Volontarjat li ġejjin: Soċjali, Umanitarju, Ambjent, Benesseri tal-Annimali, Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport, Arti, Kultura, Saħħa u Diżabbiltà.
Ic-Chairperson tal-Kunsill Gertrude Buttigieg, saħqet li frekwentament ix-xogħol li jsir mill-volontiera jsir fis-skiet u għalhekk din il-kompetizzjoni għandha l-għan li dan ix-xogħol jieħu d-dawl u jiġi jidher aktar fil-pubbliku.
Minn naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv, Mauro Pace Parascandolo, qal li b’din l-inizjattiva qed tiċċelebra l-ħidma ta’ dawn il-volontiera u l-ħidma tal-organizzazzjoni tagħhom.
Din hija inizjattiva mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur. Aktar informazzjoni u biex wieħed jissotometti l-filmati tiegħu fuq maltacvs.org.