Il-kriżi interna li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista tul dawn l-aħħar ġimgħat qed tkun riflessa wkoll fl-ogħla organi tal-Partit. Dan minħabba li għat-tliet karigi pjuttost għoljin li ġew vakati minħabba l-ġlied intern ftit hemm interess.
Dan ħabbritu l-gazzetta Kulħadd fejn qalet li n-nomini għal dawn it-tliet karigi fetħu nhar l-Erbgħa li għadda u se jagħlqu nhar it-Tlieta f’nofsinhar. Madankollu, sa issa ftit li xejn kien iddikjarat interess f’dawn il-karigi li s-soltu jħarsu lejhom anke politiċi stabbiliti.
Fil-fatt iridu jinħatru President tal-Kumitat Eżekuttiv, President tal-Kunsill Amministrattiv u Teżorier. Jirriżulta li fl-aħħar jiem iż-żewġ fazzjonijiet, dik ta’ Adrian Delia u dik ta’ Simon Busuttil, kienu qed jagħmlu l-kalkoli tagħhom għax it-tnejn ma iridu jevitaw telfa f’dan il-mument kritiku fil-partit.
Imkejjen fil-Partit Nazzjonalista qalulna li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ma jistax jitlef l-appoġġ f’dawn l-organi tal-partit madankollu hemm min qed jagħtih il-parir biex juża dawn il-karigi biex jibgħat sinjal ta’ inklużjoni lejn il-fazzjoni l-oħra ta’ Busuttil.
Li hu żgur hu li hu stramb ħafna li sa erbat ijiem wara li fetħu n-nomini, ftit li xejn kien hemm min pubblikament iddikjara li jrid jagħti s-sehem tiegħu lill-PN f’dawn il-karigi.
Kunsillier ta’ esperjenza fil-Partit Nazzjonalista li tkellem mal-gzzetta Kulħadd qal li jemmen li Adrian Delia għandu jitlaq. Huwa sostna li dan kollu jixhed l-inċertezza li hemm fil-Partit Nazzjonalista.
“Mhux l-aħjar mument. La biex tkun President tmexxi l-laqgħat u lanqas biex tkun teżorier bil-kriżi finanzjarja li hemm fil-Partit Nazzjonalista. L-iktar wara li s-sena li għaddiet komplew jonqsu d-donazzjonijiet,” qalilna dan is-sors.
L-inċertezza li kibret wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari ta’ nhar it-Tlieta li għadda fejn Delia reġa’ kien mitlub joqgħod għal vot ta’ fiduċja iżda hu rrifjuta li jagħmel dan.
Fost il-ftit ismijiet ta’ persuni interessati għal waħda minn dawn il-karigi qed tissemma Roslyn Borg Knight. Borg Knight hija s-Segretarju Internazzjonali li sa din il-ġimgħa stess kienet qiegħda Brussell mal-Kap Adrian Delia. Fl-assenza ta’ Mark Anthony Sammut li rriżenja wara l-ewwel laqgħa li segwiet l-elezzjonijiet hija mexxiet l-aħħar żewġ laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv.
Jidher li Borg Knight hija lesta terġa’ twieġeb għas-sejħa tal-fazzjoni ta’ Adrian Delia wara li ftit tax-xhur ilu ċediet ukoll għall-pressjoni biex kienet approvata bħala Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mal-aħħar grupp ta’ kandidati approvati.