‘Cristiano’ t-tarbija li ġiet abbandunata f’Settembru li għadda f’Buġibba, mistenni jibqa’ taħt ordni ta’ ħarsien u jinżamm fil-Creche tal-Ursolini flimkien ma’ ħuh, dan hekk kif la l-omm u wisq anqas il-missier ma’ huma f’qagħda li jieħdu ħsieb lit-tfal.
Żvelaw dan ma’ ONE News imkejjen qrib l-investigazzjonijiet li kkonfermaw kif l-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud ġiet konkluża u għaddiet għand l-Avukat Ġenerali fl-aħħar jiem.
Dawn is-sorsi li kellhom aċċess dirett għall-inkjesta minħabba l-involviment tagħhom, qalu kif fil-konklużjonijiet tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud qagħad fuq il-pariri ta’ diversi esperti u ddeċieda li ma jittieħdu l-ebda passi kriminali fil-konfront ta’ omm Cristiano.Dan hekk kif skont il-liġi Maltija din setgħet teħel bejn seba xhur u sena ħabs.
L-istess sorsi qalu kif il-Maġistrat Mifsud għarraf ukoll bil-konklużjonijiet tal-inkjesta lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-persuni nvoluti fil-każ minħabba x-xogħol tagħhom f’entitajiet ta’ ħarsien soċjali
ONE News hu nfurmat li l-esperti kkonkludew ukoll li missier Cristiano ma huwiex f’pozizzjoni li jieħu ħsieb lill-uliedu. Dan għal fatt li jixrob alkoħol f’livelli eċċessivi tant li darba spiċċa kważi mgħereq.
Tul l-investigazzjonijiet, l-esperti rriżultalom li l-mara setgħet kienet vittma ta’ swat mis-sieħeb tagħha. Għalkemm ġie mgħaruf li l-mara tgħatti ħafna lis-sieħeb tagħha.
Madankollu tul il-kors tal-investigazzjonijiet ġie magħruf li mhux darba jew tnejn li l-mara twaqqfet min-nies u jgħidulha li s-sieħeb għandu jtihom il-flus.
Dan il-każ kien seħħ nhar is-seba ta’ Settembru li għadda meta l-Pulizija daħlila rapport li fi Triq il-Pijunieri f’Bugibba kien hemm tarbija abbandunata fuq l-għatba ta’ blokka appartamenti.
Minkejja li omm it-tarbija ma’ kienetx magħrufa mal-Pulizija, kien biss fi żmien 48 siegħa li l-Pulizija waslet biex identifikat lill-omm it-tarbija.
Aktar dettalji dwar dan il-każ u l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali li ħadet tlett xhur mistennija jiġu żvelati mill-gazzetta Kullħadd fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd.