Il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, ippresedut mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, ippubblika l-konklużjonijiet tiegħu b’rabta mad-delitt ta’ Nicolette Ghirxi, li seħħ fit-12 ta’ Awwissu fis-Swatar.
Hawn jirriżulta, mill-provi, li ma kien hemm l-ebda nuqqas min-naħa tal-Pulizija li seta’ wassal biex id-delitt jiġi evitat.
Stqarrija l-Erbgħa filgħodu mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, li kienet talab għall-inkjesta, ħabbret il-konklużjonijiet tal-bord wara li skrutinizza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Inkjesta Maġisterjali konġunta bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza fit-23 ta’ Frar tas-sena l-oħra, imwettqa mill-istess imħallef irtirat, b’rabta mal-qtil ta’ Bernice Cassar f’Novembru tal-2022.
Fl-istqarrija ngħad li din l-inkjesta hi separata minn dik imħabbra mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal f’Awwissu li għadda dwar il-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha marbuta mal-istess każ, immexxija mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano.