Id-Depiro Sports Club implementa numru ta’ inizjattivi bħala parti mill-proġett “Safe Sport” iffinanzjat mill-iskema tal-proġetti tal-għaqdiet volontarji, il-VOPS, tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Dan inkluda xogħol infrastrutturali, riżorsi, taħriġ u outreach li lkoll se jwasslu għal ambjent sportiv aktar sigur.
Ir-riżultati ta’ dan il-finanzjament ġew murija lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli waqt żjara li għamlet għand id-Depiro Sports Club fl-Imtarfa.
Il-klabb installa żewġ AEDs u investa wkoll f’First Aid kits, saru korsijiet tal-ewwel għajnuna u oħrajn iffukati fuq l-inklużjoni u d-diversità, u anki nħolqot policy li tiffoka kemm fuq ir-responsabbiltajiet lejn l-istudenti, kif ukoll l-integrità sportiva.
Meta tkellem dwar l-istorja tal-klabb, il-Kap Eżekuttiv Ruben Baldacchino spjega kif il-klabb beda mill-voluntiera u allura fondi bħal dawn jgħinu ħafna.
“Fl-aħħar sentejn u nofs bdilna l-isem għal Depiro Sports Club għax għandna outreach kbira fejn issa qed noffru diversi affarijiet fosthom volleyball, gymnastics u netball, apparti l-basketball, programmi ta’ grassroots tat-tfal u għandna wkoll is-settur edukattiv fejn għandna s-summer schools tagħna li joperaw fis-sajf, mill-Imtarfa, Kirkop u Gżira, nagħmlu outreach fil-komunità u nagħmlu anki xogħol fl-iskejjel primarji.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, innota kemm iħallu ġid dawn il-proġetti, li ma jispiċċawx meta jiġi konkluż il-proġett, imma jiġu rreplikati minn għaqdiet oħrajn.
“Dan huwa proġett ieħor iffinanzjat mill-VOPS li jgħin liż-żgħażagħ fil-qasam tal-isport b’tali mod li jistgħu jipparteċipaw u jilagħbu f’ambjent iżjed san.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat fissret is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-proġett li se jsaħħaħ il-komunità inġenerali.
“Nemmnu ħafna f’din it-tip ta’ kollaborazzjoni, stakeholder importanti li jkollna magħna għaqdiet volontarji ta’ dan il-livell li jkomplu jwasslu l-messaġġ mhux biss ta’ saħħa imma wkoll tal-isport fil-komunitajiet.”