Konkluż proċess ieħor ta’ xiri ta’ sede ta’ soċjeta’ mużikali oħra: din id-darba hija s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal-Mosta li tiġi salvata minn żgumbrament.
Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali xtara mingħand il-privat, is-sede tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta li ġiet akkwistata b’investiment ta’ €360,000
Din hija d-disa’ soċjetà mużikali li tingħaqad ma’ tmien binjiet okkupati minn għaqdiet mużikali oħra, li issa l-Gvern hu s-sid tal-binja prinċipali li minnha joperaw.
Din is-sena biss, il-Gvern hu mistenni li jkun investa total ta’ €19-il miljun ewro. Dawn l-għaqdiet mużikali kienu f’riskju serju ħafna ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.
Il-Viċi President tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta Daniel Muscat spjega ma’ One News li issa wara dan l-akkwist, għandhom il-ħsieb li jagħmlu restawr estensiv lill-faċċatta tas-sede, imma mhux biss, hekk kif huma impenjati aktar minn qatt qabel, li jkomplu jgħallmu il-mużika b’xejn lil aktar ġenerazzjonijiet.
“Dan l-investiment ifisser ħolma li saret realtà. Fil-verita għalina bħala kumitat qed ittina serħan il-moħħ. Aħna se nkunu nistgħu inkomplu noperaw minn din is-sede u nistgħu nibqgħu niffukaw fuq ħidmietna, fuq dak li nagħmlu dejjjem. Ngħallmu il-mużika liż-żgħażagħ, u ż-żgħażagħ tagħna stess iwettqu ħidmiethom u jesebixxu t-talenti tagħhom.”
Daniel Muscat – Assistent President
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Każini għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fil-komunitajiet tagħna.
Huwa qal li ħafna drabi huma dawn il-persuni attivisti fi ħdan is-soċjetajiet mużikali li jixprunaw l-inizjattivi li jippromwovu l-arti, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni ambjentali, u l-benesseri soċjali fid-diversi kommunitajiet.
Bonnici saħaq li kien imperattiv li l-Gvern ikun proattiv u jagħmel dan il-pass.
“L-ewwel nett li rridu ngħidu li l-iżgumbrament ma kienetx biss possibiltà imma theddida ċara. Jiġifieri li kieku l-Gvern ma għamel xejn is-soċjetajiet mużikali li kienu f’din id-diffikultà kienu jispiċċaw barra full stop fresh line, mingħajr ma ebda dubju ta’ xejn u allura l-Gvern ħass li kellu jintervjeni biex isalva litteralment dawn is-soċjetajiet mużikali.”
Owen Bonnici – Ministru