Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tas-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija, biex b’hekk telgħu għal għaxra l-ammonti ta’ soċjetajiet mużikali li ġew salvati mill-Gvern s’issa wara proċessi oħrajn preċedentement.
Fl-istess waqt hemm żewġ proprjetajiet oħrajn, minn fejn jaħdmu soċjetajiet mużikali oħrajn, li l-Gvern jinsab fuq konvenju.
Dawn it-tnax-il soċjetà lkoll kienu f’riskju serju ħafna ta’ żgombrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.
Is-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ tliet miljuni u sitt mitt elf ewro. B’kollox il-Gvern se jkun mistenni jinvesti total ta’ dsatax-il miljun ewro.
Is-sede f’Ħal Lija tingħaqad ma’ disa’ binjiet oħrajn okkupati minn soċjetajiet mużikali, li huma ta’ Marija Reġina fil-Marsa, Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, Stella Maris ta’ Tas-Sliema, San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, Anici ta’ Ħal Qormi u Santa Marija tal-Mosta.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li s-soċjetajiet mużikali fl-irħula u l-ibliet tagħna għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fost il-familji.
“Dawn l-għaqdiet jiddependu ħafna fuq l-ispazji li jokkupaw biex iwettqu xogħolhom b’mod effettiv fil-qalba tal-komunitajiet u għalhekk żgombrament kien mhux biss jipperikola serjament l-operat tagħhom, iżda wkoll jhedded l-eżistenza tagħhom. Is-soċjetajiet mużikali huma element kruċjali fl-organizzazzjoni u l-ħidma ewlenija tal-festa rispettiva,” qal il-Ministru.
“Għalhekk, kien essenzjali li nieħdu miżuri proattivi biex nipproteġu lill-każini bħas-sede ta’ dan li akkwistajna llum. Xogħolna mhuwiex biss li nissalvagwardjaw il-kapaċità u t-talent ta’ dawn in-nies, imma rridu nkomplu nsostnu l-valuri fundamentali tad-diversità u l-espressjoni kulturali għal futur b’aktar kultura fih”, temm jgħid Dr Bonnici.