Il-Ministru Clint Camilleri ħabbar li ġie konkluż is-smigħ tal-kawża li l-Kummissjoni Ewropea fetħet kontra Malta dwar l-applikazzjoni tad-deroga ta’ riċerka għas-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana.
Mindu tħabbret il-kawża, il-Gvern kien qal li se jippreżenta l-aqwa difiża biex jipproteġi dan id-delizzju li hu pprattikat minn mijiet ta’ nassaba Maltin u Għawdxin.
Il-kawża, li issa mistennija tiġi deċiża sas-sajf li ġej wara li joħorġu l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fit-30 ta’ Mejju, tittratta l-kontestazzjoni tal-istituzzjoni Ewropea għall-ftuħ tal-istaġun tal-insib għal skop ta’ riċerka f’pajjiżna.
Il-Ħamis il-Ministru responsabbli tenna fuq il-midja soċjali li “nibqgħu saqajna mal-art, inħarsu ’l quddiem għas-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropeja fix-xhur li ġejjin”.
Hu elenka li l-Kummissjoni Ewropea għamlet argumenti ħżiena fil-kawża tagħha, inkluż li inċitat deroga żbaljata.
Għaqdiet li jħaddnu lin-nassaba, bħall-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, u Kaċċaturi San Ubertu, kienu diġà laqgħu b’sodisfazzjon ir-rieda politika tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern, immexxi minnu, biex jiddefendi l-pożizzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward.
Il-President tal-Kaċċaturi San Ubertu, Mark Mifsud Bonnici, semma fuq Facebook argumenti redikoli li nġiebu mill-Kummissjoni Ewropea fejn anke qabblet l-insib f’Malta mal-kaċċa għall-baleni fil-Ġappun.
Jirriżulta li hawn, skont Mifsud Bonnici, it-tim legali u tekniku Malti waqqa’ dan l-argument billi qal li kontra l-baleni, li jinqatlu s-sena kollha, l-istudju f’Malta jdum tliet xhur u l-ebda għasfur ma jinqatel.
Dwar il-filmat, ippreżentat minn Birdlife Malta, fejn persuna waħda tidher taqbad għasafar illegalment, il-Gvern Malti rribatta li l-ħażin ta’ bniedem wieħed ma jfissirx li għandu jeħel bih kulħadd.
Skont l-FKNK, il-mossa tal-Kummissjoni Ewropea hi instigata mill-BirdLife Malta u l-grupp mill-Ġermanja, il-CABS. L-għaqda, li wkoll kellha rappreżentazzjoni legali tagħha permezz tal-avukati tal-FACE, saħqet li Malta, bħal kull stat membru ieħor, għandha dritt tapplika deroga mid-Direttiva tal-Għasafar.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Camilleri rringrazzja lit-tim legali u tekniku kollu għal dik, li sejjaħ difiża impekkabbli, wara xhur sħaħ ta’ preparazzjoni.