Wara li nhar it-Tnejn 21 ta’ April 2025, l-għada tal-Għid, il-Papa Franġisku, reġa’ lura f’dar il-Missier u ħamest ijiem wara sar il-funeral tiegħu, il-kardinali bdew iħejju għall-konklavi biex jeleġġu l-267 Papa tal-Knisja Kattolika.
Għal din l-okkażjoni, Robert Aloisio ħareġ ktieb ġdid bl-isem ta’ ‘Konklavi’, pubblikazzjoni ta’ Sayit u distribwit mill-BDL. Dan jista’ jinxtara, fost l-oħrajn, mil-Librerija Preca fil-Blata l-Bajda.
Wara li, tliet snin ilu, ħareġ ktieb fuq l-aħħar seba’ Papiet li kellha l-Knisja, issa, f’dan il-ktieb, Aloisio qiegħed jagħti ħarsa lejn l-aħħar seba’ konklavi li kellha l-Knisja Kattolika fi kważi 80 sena ta’ storja.
Il-ktieb għandu l-iskop ukoll li jwieġeb għal xi mistoqsijiet marbutin mal-konklavi, anke minħabba s-segretezza, is-simboli u s-sens ta’ misteru marbutin ma’ dan l-avveniment. Dan bil-għan li jneħħi wkoll xi ftit mill-miti u l-ideat żbaljati li wieħed jista’ jkollu.
Il-Konklavi
Il-Malti għandu qawl skjett li jgħid: “Imut Papa u jagħmlu ieħor”. U tassew hekk hu. Il-Papa Franġisku kien dejjem konxju ta’ dan. Kif jgħid Franġisku nnifsu fil-ktieb tiegħu ‘Hope’ (2025): “Il-Knisja dejjem għandha futur… Il-Knisja se timxi ’l quddiem. Fl-istorja tagħha jiena m’iniex ħlief pass wieħed.”
Franġisku kien biss il-266 pass f’din il-mixja li, s’issa, ilha għaddejja elfejn sena. Kif jgħid hu wkoll “Ħaġa kurjuża: il-Knisja għandha għeruq fil-passat, fi Kristu ħaj, ħaj fi żmienu, fil-qawmien tiegħu, u għeruq fil-futur, il-wegħda ta’ Kristu li jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien sekli. U f’din il-wegħda jinsab il-futur tal-Knisja.”
Il-konklavi hu l-proċess li, bih, il-Kulleġġ tal-Kardinali tal-Knisja Kattolika jeleġġi Papa ġdid wara l-mewt jew ir-riżenja ta’ Papa. Hu wieħed mill-eqdem u mill-aktar proċessi elettorali solenni li għadu jitħaddem sal-lum.
Hi ġrajja ta’ importanza kbira mhux biss għall-Knisja Kattolika, imma għad-dinja kollha. Minkejja li, mis-Seklu Dsatax ’il hawn, il-Knisja tilfet ħafna mill-poter politiku li kellha, iżda l-gwida morali tagħha għadha tispira lil bosta. U dan minkejja d-diversi skandli li heżżewha tul is-snin. Il-Papa għadu figura relevanti fid-dinja tal-lum.
Kif takkwista l-ktieb tal-konklavi
Fl-aħħar ta’ dan il-ktieb ġdid ta’ Aloisio hemm glossarju estensiv mhux ħażin ta’ termini assoċjati mal-konklavi u mal-Papat. Inkluda wkoll, fost l-oħrajn, tagħrif dwar it-tliet kardinali Maltin li kellha l-Knisja fl-istorja tagħha kif ukoll fuq kif San Ġorġ Preca kien iħares lejn il-figura tal-Papa.
Il-qligħ kollu tal-ktieb se jmur b’riżq il-‘Kċina ta’ Marta’, inizjattiva tal-Knisja biex tgħin lil persuni li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli.
Madwar 400 persuna fil-ġimgħa qed jirċievu mal-1,200 ikla b’xejn ippreparata mit-30 voluntier fis-Seminarju f’Tal-Virtù. Għoxrin persuna oħra jieħdu ħsieb it-tqassim tal-ikliet fid-djar għal dawk li ma jistgħux joħorġu minn darhom.
Il-‘Kċina ta’ Marta’ hi inizjattiva mmexxija minn LOOP Djakonija Parroċċi bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Alfred Mizzi.
Biex takkwista dan il-ktieb tista’ tidħol fis-sit sayitmalta.com u tordnah minn hemm, waqt li jista’ tordna jew tiksbu wkoll mill-bookshop tal-Librerija Preca (tel.: 2122 2626).