- 200 KOPPJA SE JKUNU JISTGĦU JIBDLU L-UNJONI ĊIVILI FI ŻWIEĠ
- LIĠI LI SE TINBIDEL MHUX BISS GĦALL-KOPPJI TAL-ISTESS SESS
- IR-RIT RELIĠJUŻ MHUX MITTIEFES
Għada l-Gvern Laburista se jibda l-leġiżlatura b’diskussjoni dwar żwieġ indaqs li għandha twassal biex sa qabel il-waqfa tas-sajf, il-Parlament ikun addotta l-bidliet neċessarji fil-liġi sabiex koppji tal-istess sess ikunu jistgħu jiżżewġu hawn Malta.
Din kienet wegħda ewlenija tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-kampanja elettorali li għadha kemm intemmet. Ma’ dan, il-Prim Ministru kien żied li l-Gvern Laburista se jkompli jaħdem bla heda sabiex is-soċjetà Maltija tkompli tiżviluppa bħala soċjetà miftuħa u fejn fiha kull persuna tkun trattata indaqs mingħajr distinzjoni abbażi ta’ xi karatteristika jew oħra.
L-Abbozz intitolat Att tal-2017 li jememda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn jagħmel proprju dan billi jkompli jibni fuq il-kisbiet li diġà għamel il-Gvern Laburista permezz ta’ liġijiet bħal dik tal-unjoni ċivili, il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru u dik kontra l-prattiċi ta’ konverżjoni.
Dawn il-bidlet wasslu sabiex illum il-komunità LGBTIQ tgħix aktar fil-miftuħ, bla ħabi jew mistħija u minflok iċċelebrata bħala parti mid-diversità ta’ pajjiżna. Permezz ta’ dan il-progress ibbenefikaw ukoll il-familjari u l-ħbieb tal-membri ta’ din il-komunità minħabba li naqset ħafna l-istigma li kienu jbatu minnha. Prova ta’ dan hu l-fatt li aktar kmieni dis-sena pajjiżna kien iddikjarat bħala l-aħjar pajjiż fl-Ewropa fejn jidħlu dawn id-drittijiet għat-tieni sena konsekuttiva.
Sabiex ikun introdott iż-żwieġ indaqs, l-Abbozz ta’ liġi se jkun qed ineħħi il-varji referenzi għar-‘raġel’ u l-‘mara’ fil-liġi u jissostitwixxihom bil-kelma ‘konjuġi’ u jikkjarifika li ż-żwieġ ċivili mhux limitat għall-koppji eterosesswali. Ma’ dan, l-Abbozz jagħti l-possibilità lil aktar minn 200 koppja li daħlu f’unjoni ċivili li jekk jixtiequ jistgħu jikkonvertu l-unjoni ċivili tagħhom fi żwieġ. Xi ħaġa oħra li qed tagħmel din il-proposta hi li temenda l-formuli legali relatati maż-żwieġ, ċertifikati tat-twelid u dokumenti oħra sabiex ikunu rikonoxxuti koppji u ġenituri tal-istess sess.
Waqt li qed isir dan kollu, kull rit reliġjuż taż-żwieġ mhux se jkun mittiefes u filwaqt li dawk ir-reliġjonijiet li jridu jiċċelebraw żwieġ ta’ koppji tal-istess sess se jkunu jistgħu, dawk li ma jridux se jiġu protetti kontra kwalunkwe kawżi ta’ diskriminazzjoni.
Interessanti li l-Abbozz mhuwiex wieħed li jikkonċerna biss lill-koppji tal-istess sess u l-komunità LGBTIQ. Permezz ta’ din il-proposta l-Gvern se jkun qed jimmodernizza aspetti tal-liġi taż-żwieġ li sal-lum għadhom tradizzjonali.
Fost dawn hemm il-bidla fir-reġim tal-kunjomijiet li l-Ministru Helena Dalli kienet ħabbret nhar it-8 ta’ Marzu, il-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa. Permezz ta’ bidliet fil-liġi taż-żwieġ u fil-Kodiċi Ċivili, Malta se tkun qed timxi ’l bogħod mill-ordni patrijarkali tal-kunjomijiet li għandna fil-preżent, fejn huwa r-raġel li jgħaddi kunjomu lill-familja, u minflok din l-għażla tal-kunjomijiet se tibda titħalla f’idejn il-koppja.
Dan ifisser li issa raġel se jkun jista’ jieħu kunjom martu jew iżidu ma’ tiegħu, u l-koppja se tkun tista’ tagħżel liema jkun il-kunjom li jgħaddi għand l-ulied.
Waqt li għal xi wħud din tista’ tkun xi ħaġa stramba, hu interessanti li dan diġà possibbli permezz tal-liġi tal-unjonijiet ċivili u fil-fatt xi koppji eterosesswali preferew jidħlu f’unjoni ċivili milli żwieġ proprju sabiex jibbenefikaw minn dad-dritt.
Finalment, aspett innovattiv ieħor se jseħħ permezz tal-introduzzjoni ta’ ċelebranti sekulari sabiex jiċċelebraw iż-żwieġ, bħal pereżempju ċelebranti umanisti jew oħrajn ta’ ebda reliġjon partikolari.
Il-KullĦadd tkellmet mal-Ministru Helena Dalli sabiex taqsam magħna l-aspirazzjonijiet tagħha għal din il-liġi. Il-Ministru Dalli qalet li “x-xogħol fuq din il-proposta ta’ liġi kien ilu għaddej għal diversi xhur u bħas-soltu sar studju approfondit fuq kif inhu l-aħjar mod sabiex tinbidel il-liġi ħalli din tipproteġi lil kulħadd. Bħal f’okkażjonijiet oħra ħdimna fil-viċin mal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ u anke ma’ għaqdiet Ewropej esperti f’dan il-qasam.”
Il-Ministru Dalli qaltina wkoll li hi “kburija ħafna bil-mod li bih inbidlet is-soċjetà Maltija grazzi għall-isforzi kontinwi mill-Gvern Laburista u x-xogħol tant siewi li sar mis-soċjetà ċivili, u nispera issa li l-Oppożizzjoni żżomm kelmtha u taħdem magħna sabiex tkun approvata din il-liġi mingħajr dewmien.”
Il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-Prim Ministru Joseph Muscat talli prijoritizza din il-proposata ta’ liġi u li għal darb’oħra qed juri kemm l-ugwaljanza u t-titjib fil-ħajja tan-nies huma għal qalb il-Partit Laburista.