Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech jinsab f’konfużjoni ġdida hekk kif qed jattakka lil Transport Malta f’każ li Joe Giglio qed jiddefendi lill-fornitur ta’ RHIBS lil TM stess.
Fil-fatt id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal li hu kuntent b’Joe Giglio bħala Deputat fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, anke jekk dan qed jiddefendi l-interessi ta’ negozjanti li pprovdew dgħajjes, magħrufin bħala RHIBS, għal Transport Malta u li għalihom din ma kinitx kuntenta bihom, tant li baqgħet ma ħallsitx.
Castillo u deputati oħrajn Nazzjonalisti qed jattakkaw ix-xiri ta’ dawn id-dgħajjes u fl-istess waqt qed jipprovaw jaħbu l-fatt li għal tad-dgħajjes qed jidher wieħed minn tagħhom stess.
Mistoqsija fuq dan il-fatt, ħarġet il-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista hekk kif dawn iddefendew lil Giglio, li l-interess tiegħu hu li n-negozjanti jirċievu l-flus.
Ġurnalist – “Inti kuntent b’Joe Giglio miegħek fil-Grupp Parlamentari?”
Ivan Castillo – “Iva jiena kuntent ħafna b’Joe Giglio.”
Ġurnalist – “Anke jekk qed jirrappreżenta persuni li skontkom gawdew minn tender maħmuġ?”
Ivan Castillo – “Huwa x-xogħol privat ta’ Joe, ta’ Dr Joe Giglio.”
Anke Giglio nnifsu kien ipprova jaħbi l-konflitt ta’ interess li għandu, hekk kif mal-Maltatoday kien qal li qed jipprova jimmedja, iżda l-fatti minn korrispondenza juru li fil-fatt Giglio hu l-Avukat li qed jitlob biex Transport Malta tħallas għar-RHIBs.
Stqarrija ta’ Transport Malta kienet innotat li m’għamlet l-ebda ħlas lill-fornitur ta’ dawn ir-RHIBs għax-xiri tagħhom, biex jiġi ssalvagwardjat l-interess pubbliku u l-użu tal-fondi pubbliċi.
Dan minbarra li l-Awtorità kkollaborat bis-sħiħ u tat l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-operat tagħha jiġi skrutinizzat u qiegħda tieħu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali.