Konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista kixfet il-konfużjoni kbira u l-intriċċi li qed jiddominaw anki issa fl-elezzjoni għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li beda l-proċess tal-votazzjoni bikrija għal din il-kariga fid-Dar Ċentrali u, bħal dik tal-Kap qabilha, fiha qed itellaq żiemel wieħed biss: Alex Perici Calascione.
Ġurnalist ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet staqsa lil Bernard Grech jekk f’din l-elezzjoni hemmx il-proxy vote.
Kien hawnhekk li Bernard Grech ħareġ bl-ewwel verżjoni tar-risposta tiegħu.
Qal, “Dwar il-proxy dik kienet deċiżjoni li tieħu l-Kummissjoni Elettorali.”
M’għaddiex ħafna ħin li l-affarijiet ħadu żvolta oħra.
Dan hekk kif, waqt mistoqsija mill-ġurnalist ta’ NET News, wara l-ewwel risposta tiegħu dwar il-vot bi prokura, Bernard Grech ġie mgħoddi karta mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
L-istess Deputat qallu biex jikkoreġi r-risposta li ta lil ONE News fuq il-vot bi prokura.
Fil-fatt, Bernard Grech f’dan il-filmat li jmiss jidher jitkellem ma’ Robert Cutajar, u tant kemm ma kienx attent għal dak li kien qed jiġi mistoqsi, li reġa’ talab lill-ġurnalist jirrepetilu l-mistoqsija.
Qal, “Ħu paċenzja, erġa’ għamilli d-domanda jekk jogħġbok.”
Malli wieġeb id-domanda mill-ġurnalist tal-istazzjon Nazzjonalista, Bernard Grech qal dak li kienu kitbulu fuq il-karta li ngħata u għalhekk sostna li, fil-fatt, fl-elezzjoni għall-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista, il-proċess tal-vot bi prokura qed jintuża wkoll.
Qal, “Jekk tippermettuli, qabel nieħu d-domanda li jmiss, ħa nerġa’ nirreferi għal dak li saqsejtni inti – insejt ngħidlek li ppruvajt tiżgwida wkoll fid-domanda. Fl-elezzjoni ta’ Alex Perici Calascione jirriżultali li l-proxy vote qiegħed hemm ukoll.”
Mill-istqarrijiet uffiċjali mibgħuta mill-Partit Nazzjonalista u mill-Kummissjoni Elettorali tal-istess Partit dwar din l-elezzjoni għall-kariga ta’ Viċi Kap ma ssemma mkien li se jkun hemm il-vot bi prokura.
Fil-fatt, minn total ta’ sitt stqarrijiet maħruġa mill-Partit Nazzjonalista dwar il-kariga u l-eventwali elezzjoni ta’ Viċi Kap Nazzjonalista, imkien ma jissemma li persuni eliġibbli li jivvutaw jistgħu jagħmlu użu mill-proċess tal-proxy vote.
Tant hu hekk, li l-istess Partit jagħmel riferenza diretta għal min ma jistax jivvota fil-ġurnata propja tal-vot, jiġifieri fit-30 ta’ Lulju li ġej.
Hawn il-Partit Nazzjonalista spjega li għal dawn se jinżammu żewġ sessjonijiet ta’ votazzjonijiet bikrija. Hawnhekk, lanqas ma jissemma l-vot bi prokura.
Dan b’differenza għal dak li ġara fl-elezzjoni għall-kariga ta’ Kap u li fiha kkontesta Bernard Grech. Hemmhekk, b’differenza minn dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija għamilha ċara li dawk eliġibbli jistgħu jużaw il-proxy vote. Tant hu hekk li kien ħareġ stqarrija għalhekk biss.
Hawnekk, il-ġurnalist ta’ ONE News staqsa lil Bernard Grech dwar dan, bil-Kap evidentament skomdu, ma jwieġeb xejn u jlebbet ’il barra mill-kamra.