Konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Partit Nazzjonalista dalgħodu ħarġet biċ-ċar il-konfużjoni tal-Oppożizzjoni fejn għandha x’taqsam l-Air Malta.
Wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni ilu xhur jirrepeti li l-Gvern għandu joħroġ ismha tal-Air Malta għal pubbliku, il-kelliem ewlieni Claudio Grech illum qal li dan jista’ biss isir wara perjodu ta’ bejn sentejn u tliet snin oħra. Dan jikkonferma dak li ilu jgħid il-Gvern, jiġifieri li huwa illegali li jinbiegħu ishma lill-pubbliku f’dan l-istadju.
Fi stqarrija l-Ministru għat-Turiżmu osserva li dan juri li l-Oppożizzjoni li daħħlet l-Air Malta fil-problemi li għandha llum lanqas għandha idea ċara ta’ kif tista’ ssolvi l-istess problemi li ħolqot hi stess fl-Air Malta. Din hija Oppożizzjoni li ma hijiex ippreparata għall-isfidi tal-pajjiż.
Il-Gvern ilu ġimgħat jgħid, kif irrepeta ukoll il-Prim Ministru nhar il-Ħadd li għadda, li kull opzjoni, inkluż investiment lokali, għadha fuq il-mejda u dak li qed jintqal mill-Oppożizzjoni issa mhuwa xejn ġdid, anzi huwa mudell li l-Gvern ilu jikkonsidra għal dawn l-aħħar xhur ukoll.
Il-Gvern min-naħa tiegħu determinat sabiex isolvi l-problemi li ħoloq il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern meta Simon Busuttill kien ‘special envoy’ u mbagħad Viċi Kap tal-istess partit.
Il-Gvern se jibqa’ konsistenti u ser iqabbel fejn jaqbel għall-Air Malta fl-interess tal-istess linja tal-ajru u tal-industrija turistika b’mod ġenerali. Il-Gvern qed jara li jsiru mill-ewwel riformi li messhom saru snin twal ilu u jagħmel sħubija strateġika. L-opzjoni ta’ investiment lokali kienet u għadha fuq il-mejda hekk kif diġà ħabbar il-Gvern.