Id-diżgwid ġdid li nqala bejn Adrian Delia u Marlene Farrugia huwa konferma ta’ dak li qal il-Partit Laburista meta tkellem dwar koalizzjoni ta’ konfużjoni.
Id-deputat Marlene Farrugia, li fil-qorti xehdet li hi deputat tal-PN iżda barra targumenta li tirrappreżenta l-PD, qed titlob parti mir-riżorsi tal-parlament li suppost huma allokati għall-oppożizzjoni. Qed tgħid li dan għandu jsir għax il-koalizzjoni sfaxxat.
Flimkien mad-diżgwid fuq il-ħin għad-diskors u l-voti differenti fil-parlament din hija konferma oħra li l-koalizzjoni taħt l-għajta Forza Nazzjonali ma kinetx xejn għajr koalizzjoni ta’ konfużjoni.
Konfużjoni li anke jekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia prova jeħles minnha għandha u se tibqa’ mdendla miegħu għaliex l-Oppożizzjoni Nazzjonalista trid iġorr għas-snin li ġejjin id-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu fl-aħħar xhur. Kemm dawk ta’ qabel u kemm dawk wara l-elezzjoni ġenerali.