L-eks kandidata Nazzjonalista Tiffany Abela-Wadge stqarret li tinsab konfuża b’reazzjoni għall-istqarrija li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech il-Ħadd li għadda fejn qal li l-kontraċettivi għandhom jingħataw b’xejn.
F’kummenti li tat lis-sit LovinMalta qalet li din l-istess idea ngħatat ‘il ġenb mill-istess partit meta madwar xahar ilu hi semmietha f’intervista lill-midja fejn ikkummentat dwar il-kontraċettivi.
Abela-Wadge qalet li wara l-intervista kienet mgħajta mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech li taha ċamata talli ma tkellmitx mal-partit qabel marret fuq il-midja.
Abela-Wadge saħansitra qalet li Zammit Dimech wissiha li s-suġġett li tkellmet dwaru mhuwiex parti mill-aġenda tal-partit.
Għaldaqstant Tiffany Abela-Wadge qalet li ma tistax tifhem x’inbidel fl-aħħar xahar.
Fil-kummenti tagħha Abela-Wadge issuspettat li din il-proposta tqanqlet bħala reazzjoni għall-abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-membru parlamentari Marlene Farrugia.
Dan il-każ ma’ Zammit Dimech ħalla togħma qarsa f’Abela-Wadge tant li spiċċat irtirat il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fuq il-profil tagħha hi kienet kitbet li tħossha maqtugħa mill-Partit Nazzjonalista.
“Ippruvajt nitkellem fuq temi marbuta man-nisa u s-saħħa, u għalquli ħalqi”, saħqet mart Alan Abela-Wadge.
Jum biss wara li rtirat il-kandidatura tagħha, Abela-Wadge ġiet ikkundannata mill-Partit Nazzjonalista.
Qalet, “M’għandix tkun l-intenzjoni li tagħmel ħsara fl-istess rigward. Jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar sa llum stess rajna li kien hemm intenzjonijiet oħra wara dik l-istess post.”
Intant f’kummenti miktuba fuq il-midja soċjali, Alan Abela-Wadge, eks-kunsillier Nazzjonalista fl-Imsida qal li martu Tiffany ingħatat raġun meta tkellmet fuq is-suġġett u jistenna li l-kandidata Francine Farrugia u Francis Zammit Dimech jitolbu skuża.