Il-Partit Nazzjonalista jinsab maqsum dwar jekk għandux ikompli jitlaqqa’ l-Parlament minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Waqt laqgħa tal-kumitat tax-xogħol tal-Kamra, il-ġimgħa li għaddiet, il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius ilmenta għat-tlaqqigħ tal-Parlament.
Hawnhekk il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield ġibidlu l-attenzjoni li fil-Parlament qed jittieħdu l-miżuri kollha għaldaqstant d-Deputati għandhom ikomplu bix-xogħol parlamentari tagħhom.
Agius staqsa: “Jien qed nifhem li l-Gvern se jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn fil-Parlament?”
Glenn Bedingfield wieġeb: “Ġaladarba l-Gvern qed jieħu l-passi meħtiega m’għandiex għalfejn nissospendu l-programm leġislattiv.”
Fl-istess laqgħa anki l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti rrimarka kif fl-Italja u fi Spanja, żewġ pajjiżi ferm milquta bil-Coronavirus, il-Parlamenti tagħhom baqgħu jiffunzjonaw.
Iżda ma’ David Agius ma qabilx ukoll id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo.
Fuq in-Nazzjon stess, Edwin Vassallo ġie rappurtat jgħid li l-Parlament għandu jibqa’ jiltaqa’.
Saħansitra saħaq li l-Parlament għandu jiltaqa’ f’każ ta’ lockdown biex b’hekk ħadha kontra l-Viċi Kap tiegħu stess.