Il-Qorti tal-Appell Kriminali ma laqgħetx l-appell tal-Avukat Ġenerali sabiex tiżdied is-sentenza fil-konfront tal-ex kuntistabbli tal-Pulizija Carmel Cutajar li f’ġuri kien instab ħati bl-attentat ta’ qtil ta’ martu.
Cutajar ta’ erbgħa u ħamsin sena mir-Rabat kien għadda ġuri u nstab ħati li fis-sitta u għoxrin ta’ Settembru tal-elfejn u tnax, ipprova joqtol lil martu Mary bi tliet tiri li sparalha, f’sidirha qrib Point de Vue guesthouse fis-Saqqajja.
Il-każ seħħ meta l-koppja kienet ilha miżżewġa wieħed u għoxrin sena u kellhom żewġt itfal.
Fl-elfejn u sittax, il-ġurati sabuh ħati b’sitt voti kontra tlieta tal-attenat ta’ qtil ta’ martu u ntbagħat seba’ snin u nofs ħabs. Il-qorti kienet ordnat li mis-sentenza jitnaqqas iż-żmien li Cutajar kien skonta taħt arrest preventiv.
Il-ġurati fil-verdett taghom qalu li Cutajar aġixxa f’dagħdigħa, b’aġitazzjoni mentali u ma setax jirrifletti u jaħseb fuq dak li beda jagħmel u fuq l-konsegwenzi ta’ għemilu.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Appell kriminali ppreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħalfin Joseph Zammit McKeon u Giovanni Grixti, ikkonfermat is-sentenza fil-konfront tal-akkużat.