Konfermata fl-appell kawża oħra ta’ libell miftuħa u mirbuħa miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Scembri kontra l-gazzetta The Malta Independent.
Il-każ kien dwar artiklu li l-gazzetta ppubblikat f’Mejju ta’ tliet snin ilu taħt it-titlu Panama Papers: HSBC investigation expected into alleged fraudulent documents vouching for Keith Schembri and Malcolm Scerri u li ġie ppubblikat ukoll fuq is-sit tal-gazzetta.
L-artiklu kien allega li kienet għaddejja investigazzjoni fil-Bank HSBC dwar dokumenti foloz li jinvolvu l-kumpanija Kasco. Quddiem l-ewwel qorti kien ingħad li l-artiklu kien mibni fuq artiklu ieħor ippubblikat jumejn qabel fuq is-sit ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Qorti tal-Appell kkonfermat li kif sabet l-ewwel qorti, Pierre Portelli, li dak iż-żmien kien wieħed mill-edituri, kien mgħarraf li dak allegat fuq il-blog ta’ Caruana Galizia kien żbaljat u għalhekk ma kien hemm xejn frawdolenti min-naħa ta’ Schembri.
Minkejja li min kiteb l-artiklu ma identifikax ruħu, il-Qorti semgħet li kien Portelli li għamel kuntatt mal-uffiċjal tal-bank u b’mod konvenjenti għażel li jħalli barra l-informazzjoni li ngħatatlu.
Il-Qorti tal-Appell qalet li jirriżulta ċar li l-intenzjoni tal-artikolist kienet li ttenni l-allegazzjonijiet kontra Schembri li uża dokumentazzjoni ffalsifikata meta Portelli kien diġà mgħarraf li dan ma kienx minnu.
Żiedet tinnota li għalkemm fl-artiklu semmew li l-HSBC kien qed jagħmel investigazzjoni, mix-xhieda ħareġ li l-uniku investigazzjoni li saret kienet dwar żball amministrattiv. Għal aktar minn darba ngħad li l-investigazzjoni fuq frodi qatt ma saret mill-bank u ġie sostnut li l-verifiki li saru u li ġew imqanqla fl-artiklu fuq il-blog ta’ Caruana Galizia, twaqqfu mill-ewwel għax irriżulta li d-dokumenti kienu awtentiċi.
Il-Qorti tal-Appell ppreseduta mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri ċaħdet l-appell tal-gazzetta u tenniet li taqbel mal-ewwel qorti li rriżultalha l-intenzjoni ċara li konxjament titħalla informazzjoni barra mill-artiklu b’mod malizzjuż. Fl-istess waqt tħallew kummenti libellużi u malafamanti kontra Schembri li kienu intiżi biex jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tiegħu fuq l-internet li huwa mezz li l-impatt tiegħu huwa ferm akbar minn sempliċi gazzetta.
Qalet li filwaqt li kulħadd għandu jkollu l-libertà li jesprimi ruħu skont il-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni, min-naħa l-oħra ħadd ma jista’ jħammeġ ir-reputazzjoni tan-nies bla ebda bażi fattwali u jippretendi li ma jkun hemm ebda sanzjoni kontra dan l-aġir. Saħqet li l-attitudni ta’ bosta li l-ewwel ħammeġ imbagħad naraw, hija attitudni deplorervoli u mhux sanċità mil-liġi.
Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza u d-danni li jlaħħqu l-€5,000 favur Schembri.