Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt, li ġie ppubblikat l-Erbgħa, rrimarka diversi żviluppi notevoli u sinifikanti li seħħew f ’Malta matul is-sena li għaddiet.
Fil-fatt, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-indipendenza perċepita tal-ġudikatura ta’ Malta għadha għolja fost il-pubbliku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat b’ mod pożittiv il-progress tal-Gvern biex jinvolvi lill-Ġudikatura fil-ħatra tal-Prim Imħallef, b’mod partikolari r-riforma kostituzzjonali li jmiss li se tagħti mandat għal konsultazzjonijiet mal-Prim Imħallef fil-kariga, qabel il-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid.
Ir-rapport ifaħħar ukoll il-progress miksub mill-Gvern fit-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tal-Ġustizzja, speċjalment fit-tnaqqis tat-tul tal-proċedimenti. Il-kisbiet notevoli jinkludu r-regoli proċedurali riveduti quddiem il-Qrati tal-Appell, il-progress sinifikanti fl-istabbiliment ta’ Qorti kummerċjali speċjalizzata, u t-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Ir-rapport kompla jenfasizza l-kisba notevoli adottata fl-2023 biex tittejjeb il-ħila tal-awtoritajiet investigattivi u tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara r-rakkomandazzjoni tar-rapport tal-2023 dwar l-Istat tad-dritt biex jiżdiedu l-miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mat-tul tal-investigazzjonijiet ta’ każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli.
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-progress f’dan ir-rigward bl-impjieg ta’ prosekuturi addizzjonali li kkontribwixxa biex itejjeb il-ħila tal-awtoritajiet investigattivi u tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-isforzi kredibbli tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku biex jiġu amplifikati l-miżuri ta’ integrità għall-uffiċjali pubbliċi, b’żieda notevoli ta’ 60% fis-sanzjonijiet dixxiplinarji.
Fir-rigward tar-riforma tal-midja, il-Kummissjoni laqgħet l-impenn ta’ Malta li tittrasponi d-Direttiva kontra l-SLAPP sal-aħħar ta’ Lulju.
Il-Gvern wiegħed li janalizza bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, filwaqt li jinnota li diġà għaddejjin sforzi sinifikanti biex titjieb l-effiċjenza tal-Qorti, jiġi emendat l-Att dwar il-protezzjoni tal-informaturi, u biex tiżdied il-ħila investigattiva f’każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli. Ir-rapport dwar l-Istat tad-dritt enfasizza wkoll il-fatt li n-nefqa totali tal-Ġustizzja żdiedet b’mod sinifikanti f’ dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, enfasizza d-dedikazzjoni kontinwa tal-Gvern biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt f’Malta.
Huwa afferma wkoll l-impenn attiv tal-Gvern biex jikseb governanza tajba u l-isforzi kontinwi tiegħu biex iżomm djalogu miftuħ mal-partijiet interessati u l-pubbliku, biex jiżgura li r-riformi rilevanti biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt jiġu indirizzati b’mod komprensiv u effettiv.