Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li r-roadmap li għandu dan il-Gvern qed tħalli riżultati pożittivi. Fosthom billi qed twassal li r-riskji tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta qed jonqsu.
Dan intwera ċar mill-Country Report ippubblikat din il-ġimgħa li juri li r-riskji iżda għadhom relattivament għoljin fejn jidħlu t-tfal, l-anzjani, dawk b’ħiliet limitati u l-persuni b’diżabilita’.
Dwar ir-riżultati ta’ dan ir-rapport tkellmu l-Ministri Helena Dalli u Michael Farrugia.
Il-Ministru Michael Farrugia innotta li ir-rata tat-tfal fil-faqar ikkumparata mal-elfejn u tlettax xorta naqset bil-faqar fost it-tfal ra tnaqqis b’mod ġenerali sentejn ilu.
Qal li Malta qed tindirizza l-isfidi soċjali u ssaħħaħ l-politika favur l-inklużjoni soċjali anke billi l-Gvern ħa diversi miżuri biex titjib l-adekwatezza tal-pensjonijiet, inkluż billi ġiet indiriżżata l-gender gap. Mizuri li l-Ministru Farrugia fissirhom bħala direttament iffukkati biex ikomplu jtellgħu liż-żgħir ‘il fuq.
Mhux biss, imma r-rapport jirikonoxxi l-isforzi biex tiżdied l-parteċipazzjoni femminili fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ inċentivi, inkluż ir-reviżjoni tal-krediti għal meta mara tkun tqila, li huma mistennija li jindirizzaw l-isfidi attwali. Dwarhom tkellmet il-ministru Helena Dalli fejn qalet li l-investiment illi qegħdin jagħmlu u se njomplu jagħmlu fit-taħriġ tan-nisa u l-edukazzjoni issa qed jieħdu ritorn akbar tiegħu. Il-Ministru Dalli spjegat li dan għax aktar nisa qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol u dan huwa kkonfermat minn dan ir-rapport.
Issemmew ukoll il-pakkett ta’ miżuri ta’ “Making Work Pay” li jinkludu “tapering of benefits” u “in-work benefits” li kienu suċċess u li jinċentivaw aktar ix-xogħol filwaqt li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali.