Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) ikkonfermat li ngħatat liċenzja ta’ ħames snin lil Sadeen Education Investment Ltd biex topera Universita’ f’Malta bl-isem ta’ American University of Malta.
Fi stqarrija ntqal li l-kundizzjonijiet li jaqgħu taħt din il-liċenzja huma l-istess li ġew ikkomunikati lil Sadeen Education Investment Ltd fit-30 ta’ Ġunju 2016 u li ġew spjegati waqt konferenza stampa fl-istess gurnata. Dan l-aħħar, Sadeen Education Investment Ltd, talbet għal kjarifiki fuq l-istess kundizzjonijiet u dawn ingħataw risposta matul l-aħħar ġranet.
Il-kundizzjonijiet prinċipali tal-liċenzja jaqgħu taħt żewġ kategoriji wiesgħa, dawk li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni mogħtija, u dawk li għandhom x’jaqsmu mal-finanzjament ta’ dan il-proġett.
Fejn tidħol l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-AUM għandha tassigura li Clemson University tagħmel verifika annwali fuq il-proċess ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità interna. Il-Kummissjoni se tkun qed tagħmel ukoll spot-checks fuq bażi regolari biex tassigura li kull aspett tal-operat tal-AUM ikun vijabli u effettiv. Il-Kummissjoni stess se tkun qed tagħmel il-verifiki tal-kwalità tagħha b’mod estern matul il-ħames snin tal-liċenzja biex teżamina u tassigura l-partijiet akkademiċi, amministrattivi u operattivi fi ħdan l-AUM, kif ukoll biex tassigura l-kwalità tal-programmi provduti.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ finanzjament, l-AUM trid tipprovdi evidenza li turi li kull finanzjament neċessarju biex jitlesta dan il-proġett huwa f’postu skont iż-żmien stipulat mill-Kummissjoni stess. Kundizzjonijiet oħra jeżiġu li għal ċertu żmien, kull tibdil jew tkabbir tan-numru ta’ membri akkademiċi jew azzjonisti għandhom ikunu approvati minn qabel mill-istess Kummissjoni.
Intqal li l-NCFHE hija kunfidenti li taħt dawn it-termini tal-liċenzja mogħtija, l-AUM tinsab f’pożizzjoni li tilħaq il-potenzjal tagħha li tipprovdi edukazzjoni ta’ kwalità għolja u li r-rigorożità tal-proċess li tmexxa qabel ingħatat din il-liċenzja jkompli jsaħħaħ lil Malta bħala pajjiż li joffri servizzi edukattivi b’mod internazzjonali.