“Illum kellna konferma oħra tal-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li tkompli timmodernizza dan il-pajjiż, mhux l-inqas fil-qasam tal-governanza u l-ħidma tal-istituzzjonijiet. Konferma oħra ta’ Gvern riformista li jwettaq dak li jwiegħed.”
Kien b’dan il-messaġġ li l-Prim Ministru, Robert Abela, beda konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, ftit wara li l-Financial Action Task Force, l-FATF, ħabbret id-deċiżjoni tagħha li Malta għandha titneħħa minn fuq il-lista l-griża.
Dr Abela rrimarka li d-deċiżjoni tal-FATF tgħid li pajjiżna wettaq il-pjan ta’ azzjoni maqbul fi tnax-il xahar biss u, fi kliemu, din hija l-ikbar xhieda ta’ kif ir-riformi f’dan is-settur kienu ilhom li bdew għax il-Gvern tassew jemmen fihom.
“Dan il-proċess kien sfida li llum dawwarniha fi prova oħra ta’ kemm pajjiżna hu ġuriżdizzjoni serja. Infurmat li, saħansitra, Malta kienet deskritta bħala storja ta’ suċċess.”
Is-sena li għaddiet, l-FATF identifikat żewġ kwistjonijiet prinċipali għal pjan ta’ azzjoni: waħda marbuta mal-evażjoni tat-taxxa u l-oħra dwar il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza b’rabta ma’ entitajiet legali.
Dakinhar, il-Prim Ministru kien ta l-impenn tiegħu li dawn ir-riformi, jitwettqu.
“Ikun hemm min jgħidlek li ma missna qatt dħalna għal dan il-proċess u spiċċajna taħt l-azzjoni ta’ moniteraġġ. Anki jien hekk nemmen. Kien għalhekk li, meta sirt Prim Ministru u sibt rapporti tal-Moneyval li jmorru lura għal diversi amministrazzjonijiet, tajt direzzjoni ċara li kellhom ikunu indirizzati. Mhux għax qed jgħidilna hekk xi ħadd minn barra, iżda għax nafu x’pajjiż irridu nħallu lil ta’ warajna.”
Il-Prim Ministru rrikonoxxa li l-bidliet li saru fl-aħħar snin ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-ħidma ta’ ħafna istituzzjonijiet, fosthom l-FIAU, il-Korp tal-Pulizija, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Malta Business Registry, u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Taxxi.
“Is-serħan il-moħħ tiegħi u l-fiduċja f’dawn l-awtoritajiet mhux biss tiġi mill-mod kif narahom jaħdmu, ħafna drabi fis-skiet, iżda wkoll minn dak li nisma’ dwarhom f’laqgħat li jkolli ma’ msieħba internazzjonali li saħansitra kien hemm okkażjonijiet fejn irrikonoxxewhom uffiċjalment. Ir-riżultat tal-lum hu konferma oħra tal-ħila u s-serjetà tagħhom.”
Fuq kollox, il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni tal-FATF hija xhieda oħra ta’ meta naħdmu flimkien bħala Tim Malta.
“Dan kollu għamilnih f’mument fejn pajjiżna kien qed jiffaċċja pandemija u eventwalment bdejna anki rridu nilqgħu għall-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.”
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li nibqgħu nħarsu ’l quddiem.
“L-għan tagħna huwa li nassiguraw is-sostenibilità tal-miżuri li implimentajna. Qatt iktar pajjiżna m’għandu jispiċċa f’lista bħal din. Fuq kollox se naraw li fiż-żmien li ġej, noħolqu aktar opportunitajiet biex il-privat jinvesti u jinvesti flusu ħalli joħloq xogħol ta’ kwalità. Il-mandat ġdid u b’saħħtu li ngħatajna mill-elettorat f’Marzu li għadda, imliena b’aktar ħeġġa u determinazzjoni biex inkomplu mmexxu lil pajjiżna ’l quddiem. Hemm fejn bdejna naslu u rridu nsostnu dak li ksibna. Hemm oqsma fejn irridu u se naħdmu iktar, biex fl-aħħar mill-aħħar ikollna pajjiż aħjar, għalina u għal uliedna.”
Ara l-konferenza li ndirizza l-Prim Ministru Robert Abela hawn: https://one.com.mt/dirett-il-pm-jindirizza-konferenza-tal-ahbarijiet-dwar-it-tnehhija-ta-malta-mil-lista-l-griza-tal-fatf/
AQRA AKTAR: