Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ sitt snin ħabs għall-għalliem tal-Ingliż, Alexander Giacamotto, li fl-elfejn u erbatax kien instab ħati li abbuża sesswalment lil tifel.
Giacamotto, li llum għandu sebgħin sena, kien instab ħati li bejn l-elf disa’ mija u tnejn u disgħin u l-elf disa’ mija u sitta u disgħin, kien ikkorompa tifel fid-dar tiegħu li tinsab fil-Qawra, fil-karozza tiegħu u saħansitra fl-iskola.
Il-vittma li meta bdew dan l-atti kellu tnax-il sena, kien tkellem fuq dan l-abbuż għaxar snin wara.
Jirriżulta li l-abbuż dam sejjer għal erba’ snin.
Fil-Qorti kien instema’ kif l-għalliem kien ħa lit-tifel id-dar u wrieh film pornografiku u wara ġiegħlu jagħmlu sess orali.
Saħansitra, Giacamotto għamel ħbieb mal-ġenituri tat-tifel u kkonvinċiehom jibgħatu lil binhom għal-lezzjonijiet tal-privat għandu.
L-imputat anki kellu ristorant u beda jħaddem liż-żagħżugħ u kien talab il-ġenituri biex dan jibda jorqod għandu ħalli jonqos l-iskariġġ.
Fil-Qorti nstema’ wkoll li l-akkużat kien xtara bosta rigali lill-vittma fosthom dgħajsa u anki ried jixtrilu post bil-kundizzjoni li ma jikxfux.
Fil-fatt l-akkużat kien ta tlieta u għoxrin elf ewro f’depożitu liż-żagħżugħ.