Qed ngħixu fi żmien storiku fejn mhux biss qed inkabbru l-ekonomija u s-surpluses tal-pajjiż, iżda qed jirnexxilna noħolqu prosperità bil-ġid li bnejna u ħloqna, qal il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.
Dan waqt li kien qed jirreaġixxi għall-aħħar statistika tal-Eurostat li kkonfermat kif is-severe material deprivation (SMD) hija nqas minn terz ta’ dak li kienet erba’ snin ilu f’Malta.
Il-Ministru Michael Falzon qal li skont il-Eurostat, Malta issa qed tersaq viċin lejn pajjiżi sinjuri ħafna bħal dawk Skandinavi, filwaqt li rrefera għall-fatt li Malta rreġistrat s-seba’ l-anqas rata ta’ nies li qegħdin jgħixu f’SMD.
Il-Ministru fakkar kif il-faqar f’Malta kien laħaq livell għoli rekord ta’ 10% fl-2013, iżda mal-bidla fil-gvern, dan issa niżel għal 3.3% f’4 snin, li jfisser illi n-numru huwa anqas minn terz ta’ dak li kien qabel.
L-istatistika tal-Eurostat mhux biss tikkonferma li għall-ewwel darba niżlu għal 14,000 dawk fil-faxxa ta’ SMD, iżda tagħti wkoll indikazzjoni ċara ta’ liem huma dawk l-oġġetti materjali li huma neqsin minnhom.
Il-Ministru Michael Falzon spjega wkoll kif il-faqar fost it-tfal u l-anzjani naqas bin-nofs, dan grazzi għal għexieren ta’ miżuri li ttieħdu biex jindirizzaw dal-faxxex, ewlenija fosthom iċ-childcare b’xejn għal kulħadd, l-in-work benefit, u t-tisħiħ fil-pensjonijiet rispettivament.