L-Awtoritajiet tas-Saħħa kkonfermaw li l-każ ta’ Mpox irrappurtat il-ġimgħa li għaddiet, ġie identifikat bħala Clade II. Din l-aħbar issegwi testijiet u analiżi f’laboratorju barra minn Malta.
Mpox, li qabel kien magħruf bħala Monkeypox, huwa kkawżat mill-virus Monkeypox, li għandu żewġ kladi distinti: Clade I u Clade II.
Clade I jinstab b’mod predominanti fl-Afrika Ċentrali u huwa magħruf li jikkawża mard aktar sever u rati ogħla ta’ mortalità. Minħabba s-severità tagħha, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO iddikjarat Clade I bħala Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta’ Tħassib Internazzjonali, il-PHEIC f’Awwissu 2024.
Clade II, minn naħa l-oħra, huwa inqas sever minn Clade I u għandu rata ta’ mortalità ferm aktar baxxa. Clade II huwa responsabbli għat-tifqigħa globali li għadha għaddejja bħalissa u li kienet bdiet fl-2022. Din tinfirex primarjament permezz ta’ trażmissjoni sesswali. F’Malta, ġew investigati 35 każ b’rabta ma’ din it-tifqigħa globali sal-2023. Il-każ attwali f’Malta huwa ta’ Clade II u huwa l-ewwel każ li qed jiġi rrappurtat għall-2024.
Każ ieħor ta’ Mpox ġie kkonfermat f’persuna oħra. Hija ħarġet fil-pożittiv għall-Mpox kawża ta’ attività sesswali f’Malta. Il-persuna tinsab klinikament stabbli u ma jeħtieġx li tingħata l-kura fl-isptar. Hija ġiet iżolata u qed isiru sforzi ta’ traċċar tal-kuntatti biex tiġi evitata aktar trażmissjoni. Qed isiru aktar testijiet biex jiġi identifikat il-Clade speċifiku tal-virus Mpox ta’ dan il-każ.
Intant, l-awtoritajiet tas-Saħħa jagħtu parir lill-pubbliku biex jimxi mal-miżuri preventivi li ġejjin biex trażżan it-tixrid tal-virus fosthom biex wieħed jipprattika sess sigur u pparteċipa f’konverżazzjonijiet miftuħa dwar is-saħħa sesswali mal-persuna li qed tipprattika fl-istess attività sesswali miegħek. Oqgħod lura minn kuntatt mill-qrib, ġilda ma’ ġilda ma’ individwi li għandhom raxx li jixbah dak tal-Mpox. Żomm iġjene tajba billi taħsel idejk ta’ spiss bis-sapun u l-ilma jew billi tuża sanitizer tal-idejn li jinkludi l-alkoħol. Kun kawt waqt laqgħat soċjali u kuntatt intimu. Evita li taqsam oġġetti personali bħal xugamani, friex u ħwejjeġ ma’ individwi li jkollhom sintomi viżibbli bħal dawk tal-Mpox. Staqsi għal parir mediku jekk tesperjenza sintomi jew ġejt f’kuntatt ma’ xi ħadd li kellu dijanjosi tal-Mpox.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa jibqgħu impenjati li jħarsu s-sitwazzjoni mill-qrib u se jipprovdu aġġornamenti skont kif meħtieġ. Inħeġġu lill-pubbliku biex jibqa’ infurmat u jsegwi l-linji gwida rakkomandati biex jiżgura s-sigurtà u l-benesseri tiegħu.