Is-Sezzjoni Kunsilliera PL laqgħet b’sodisfazzjon is-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima fil-konfront tal-Kunsill Lokali ta’ San Giljan, dwar l-organizzazzjoni tal-festa ta’ San Patrizju. Dan għaliex l-istess sentenza, fi kliem il-Kunsilliera Laburisti, qablet mas-sottomissjonijiet li l-istess Sezzjoni kienet għamlet mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali dwar il-mod abbużiv li bih mexa l-Kunsill fl-għoti ta’ permessi għal din il-festa.
Fl-istqarrija spjegaw li dan għaliex skont id-dispożizzjonijiet ta’ KAP 363, il-Kunsill Lokali biss għandu joħroġ permessi lil terzi li jkunu jixtiequ jarmaw fit-triq f’ attività pubblika.
Dan kontra dak li għamel is-Sindku Dalli, mingħajr l-approvazzjoni tal-Kunsill fejn, ħareġ permessi lil Philippe Gatt ta’ Massive Promotions b’ għad ta’ nuqqasijiet gravi u numerużi, tant li fi kliemhom ixejnu l-istess validità tal-istess permessi.
Is-Sezzjoni Kunsilliera ikkundannat dan l-aġir tal-Kunsill anki għal fatt illi ma kien hemm l-ebda sejħa ta’ interess u dan wassal għal nuqqas ta’ kompetittività ġusta bejn dawk kollha interessati. Is-Sezzjoni Staqsiet x’ kienet ir-raġuni li ma ħarġitx sejħa ta’ interess? Forsi dan hu l-mod ta’ politika trasparenti u Governanza tajba li tant jitkellem fuqha Simon Busuttil? X’ se tkun il-pożizzjoni tal-Kap Nazzjonalista fil-konfront tas-Sindku tiegħu?
- Ikomplu jiksru l-liġi anki fis-seduta tal-bieraħ
Is-Sezzjoni Kunsilliera PL iċċensurat ukoll l-atteġġjament tas-Sindku, Viċi Sindku u Segretarju Eżekuttiv waqt is-seduta li seħħet propju l-bierah fil-għaxija, fejn għal darba oħra marru kontra l-liġi tal-Kunsilli, Artikolu 43 tal-Att 363 tas-Sitt Skeda tal-Kunsilli Lokali fejn din tgħid ċar u tond li l-Kunsilliera għandhom jivvutaw billi jgħollu jdejhom u li jekk ikun hemm talba minn kunsillier, il-vot għandu jiġi reġistrat bl-ismijiet tal-membri li jkunu vvutaw fuq kull kwistjoni biex juru jekk kienux ivvutaw favur jew kontra xi proposta jew oħra.
Dan seħħ hekk kif il-Kunsilliera Nazzjonalisti riedu jaħslu jdejhom u jfarfru mir-responsabilità li ttihom il-liġi fejn tgħid li Kunsill Lokali għandu jkun responsabbli mis-sigurtà waqt kull attività li ssir fil-lokalità tiegħu.
Meta l-Kunsilliera Labursiti għamlu kontra mozzjoni sabiex il-Kunsill jassigura s-sigurtà tar-residenti tiegħu waqt l-attività, il-Kunsilliera Nazzjonalisti vvutaw kontra u kissru l-liġi billi permezztas-Segretarju Eżekuttiv ħadu vot sigriet, xi ħaġa li tmur kontra l-liġi.
Is-Sezzjoni Kunsilliera PL spjegat li Kunsilliera Nazzjonalisti mhux biss ċaħdu l-Kunsilliera Laburisti mid-dritt tagħhom billi kissru l-liġi imma wkoll naqsu mir-responsabiltà tagħhom lejn il-komunità tan-negozju fil-lokalità u r-residenti tagħhom.
Is-Sezzjoni Kunsilliera talbet ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizja sabiex jinvestiga kif sar dan il-ftehim u jekk potenzjalment hemmx lok ta’ passi kriminali fil-mod kif imxew l-affarijiet fuq il-ħruġ tal-permessi.