Ir-raba’ surplus konsekuttiv li kellha Malta fil-finanzi pubbliċi hija konferma oħra tal-bidla kbira li wettaq il-Partit Laburista fil-Gvern, dan qalu fi stqarrija l-Partit Laburista.
L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Eurostat juru li l-politika fiskali tal-Gvern wasslet ukoll biex tkompli tonqos l-għafsa tad-dejn fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Dawn ir-riżultati jikkuntrastaw bil-kbir mas-sitwazzjoni li ħalla l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern meta Malta kienet spiċċat fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Waqt li fl-2012, l-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista, Malta għalqet is-sena b’defiċit rekord ta’ €362 miljun, fl-2019, pajjiżna rreġistra surplus ta’ €71 miljun. Dan minkejja li għal sena oħra, il-Gvern ma introduċa l-ebda taxxa ġdida u għar-raba’ sena konsekuttiva żdiedu l-pensjonijiet b’20%. Apparti dan, il-Gvern irodoppja n-nefqa fuq is-saħħa u impjega 2,000 persuna oħra fil-qasam mediku biex inkomplu noffru servizz eċċellenti lill-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa wkoll bis-saħħa ta’ dan l-għaqal fit-tmexxija finanzjarja li l-Gvern nieda minnufih miżuri ta’ sostenn finanzjarju bla preċedent biex ikun ta’ spalla għal eluf ta’ ħaddiema, self-employed, familji u negozji li ntlaqtu mill-pandemija tal-Covid-19. Miżuri li għenu biex insalvaw mas-70,000 impjieg f’din l-ikbar kriżi li qatt laqtet lid-dinja f’dawn l-aħħar 80 sena.
Dawn ir-riżultati juru kemm kien għaqli dan il-poplu li ma semax minn dak li kien il-kelliem tal-good governance tal-Partit Nazzjonalista meta kien iddikjara li bil-Partit Laburista fil-Gvern, pajjiżna kien se jmur jittallab bailout.
Għall-kuntrarju, Gvern Laburista, mhux biss beda jqaċċat id-djun li akkumulaw tul is-snin ta’ gvernijiet Nazzjonalisti, iżda ġab il-finanzi ta’ pajjiżna fuq sisien sodi biex f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida kbira, kien u se jibqa’ jkun ta’ appoġġ konkret għall-famili u n-negozji Maltin u Għawdxin, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.