Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota l-aħħar studju tal-Assoċjazzjoni ILGA Europe, li kkonferma għal ħames sena konsekuttiva lil Malta bħala l-aqwa pajjiż fl-Ewropea dwar il-jeddijiet għal persuni LGBTIQ.
Dan bis-saħħa ta’ bidliet kbar li ġab Gvern Laburista fl-aħħar snin meta b’konvinzjoni daħħal u beda jimplimenta liġijiet b’saħħithom li mhux biss taw jeddijiet ċivili bla preċedent lill-persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti iżda fuq kollox wassal għal bidla qawwija u tant meħtieġa fl-attitudnijiet fil-konfront tal-persuni LGBTIQ.
Il-Partit Laburista jinnota b’sodisfazzjoni li Malta kisbet punteġġ ta’ aktar minn 89%, l-ogħla fost id-49 nazzjon analizzat.
Il-Partit Laburista qal li jilqa’ wkoll l-ikbar stħarriġ fid-dinja fis-settur mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-FRA, li minnu rriżulta wkoll li Malta kisbet punteġġi għoljin ħafna f’kull qasam tant li 83% tal-Maltin jemmnu li l-Gvern qiegħed jiġġieled b’mod effettiv il-preġudizzji u l-intolleranza kontra l-persuni l-LGBTI, l-ogħla persentaġġ fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
L-istqarrija żiedet tgħid li din hija prova ċara oħra ta’ kif fi ftit snin, il-politika ta’ dan il-Gvern mhux biss qalgħet lil Malta mill-qiegħ nett f’dan is-settur, iżda poġġietna bħala l-aqwa pajjiż fid-dinja li llum hu meqjus bħala ‘beacon of hope’ kif imfisser minn għadd ta’ istituzzjonijiet internazzjonali rispettati.
Il-Partit Laburista qal li lil hinn mill-kritika tal-Oppożizzjoni, dan l-istħarriġ huwa xhieda tal-kuraġġ li kellu dan il-Gvern biex iwettaq il-bidliet waqt li ħaddieħor kien qed jiżra’ l-biża’ u jastjeni f’liġijiet storiċi li ġabu bidla pożittiva fil-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Fuq kollox, dawn l-istudju jkomplu jimlew b’kuraġġ lil dan il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela biex jibqa’ jkun katalist fil-bidliet kbar li dan il-Gvern se jkompli jwettaq biex imexxi l-aġenda liberali.